best deal

Monday, 12 February 2018

AĠĠORNATA: "Konna qed nistennewh jasal ix-xogħol imma baqa' ma ġiex" - Jason


AĠĠORNATA:

Il-ħaddiema ta' Aramex qed jorganizzaw quddiesa għal Dan Udrea. Din se ssir nhar is-Sibt 17 ta' Frar, fit-8:30am, fil-Knisja Parrokkjali tal-Mosta.

QABEL:

Dan huwa Dan Udrea, ir-Rumen li s-Sibt li għadda tilef ħajtu wara li waqgħet siġra fuq il-karozza tiegħu.


Aħna tkellima ma' Jason Muscat, kollega tiegħu li jgħidilna kif hu u sħabu kienu qed jistennewh jasal ix-xogħol iżda baqa' ma ġie. "Is-Sibt filgħodu għedtlu biex ma jiġix kmieni għax ridt immur l-ajruport. Kif jaf kulħadd kien hawn maltemp kbir. Jiena u niftaħ il-bibien, smajt horn idoqq u għall-ewwel ħsibt li kien wasal hu, iżda kien wieħed mix-xufiera. Domna nistennewh u għedna mhux soltu tiegħu."

"Sakemm konna qegħdin nistennewh, kont qiegħed fuq Facebook u tela' artiklu illi kien hemm raġel li miet wara li waqgħet siġra fuq il-vettura tiegħu. Mort niġri ngħid lil sħabi iżda sadanittant ma konniex nafu li hu. Il-vann li kien bih dakinhar, soqtu ġurnata qabel. Meta rajnieh li għadu ma ġiex, l-imgħallem tiegħu beda jċempilu iżda ma qabdux, imbagħad ċempel lil mara tiegħu. L-ewwel qatgħet, u mbagħad reġa' ċemplilha u weġbitu infermiera li qaltlu li l-mara ttieħdet l-isptar u r-raġel miet fuq il-post."

Malli saru jafu bl-aħbar, il-ħaddiema kollha xxokkjaw ruħhom. "Xħin ċempel l-imgħallem u qalilna bl-aħbar, kulħadd baqa' xxokkjat. Dak il-ħin saqajja ħassejthom maqtugħin, lanqas kont naf x'qed nagħmel u ntfajt bilqiegħda. Erbgħa mill-kollegi marru jiġru fuq il-post għaliex kulma kien bogħod 30 sekonda."

Dan ġie hawn Malta ħames snin ilu u minn bniedem ma jafx it-toroq, wasal biex ikun supervisor ta' 13-il ruħ. "Ġie hawn Malta biex jagħmel id-deliveries. Lanqas kien jaf triq waħda ġewwa Malta. Kien jaħdem mal-Connect Couriers, wieħed mill-aġenti tagħna, tal-Aramex, u niftakar kont nagħmillu r-rotot wara xulxin biex nispjegalu fejn irid jagħmel id-deliveries. Imbagħad laħaq supervisor ta' 13-il ruħ. Konna dejjem niftħu flimkien u nikkordinaw bejnietna d-deliveries."

Jiddeskrivi lil Dan bħala bniedem ċajtier. "Kien bniedem sod ħafna imma kien jiċċajta tant li konna nidħku flimkien. Però xħin jiġi għax-xogħol kien veru serju u kien jieħu ħsieb lil kulħadd, speċjalment lix-xufiera tiegħu." B'leħen miksur għall-aħħar, Jason jgħaddi messaġġ lil Dan: "Ħu ħsiebna Dan u żomm idejk fuqna."

Inti tista' tgħid lil familja ta' Dan. Kif? Is-CEO tal-isptar Mater Dei Ivan Falzon fuq Facebook qal li qed jinġabru l-flus biex Dan jindifen f'pajjiżu. Wieħed jista' jgħin billi jikkuntattja lil Ivan Falzon stess jew jista' jagħti donazzjoni hawnhekk.



Ixxerja dan l-artiklu, jekk tixtieq tgħin lill-familja ta' Dan.

Ritratt tal-lemin: TVM

No comments:

Post a Comment