Sa ftit zmienu ilu l-pets li kienu jmutu kienu jiġu maħruqa individwalment permezz ta' inċineratur u l-familja kienet tieħu l-irmied tiegħu magħha bħala tifkira, iżda bħalissa m'għadx hawn fejn tikkrema jew tidfen lill-pets b'dinjità. B'hekk l-Island Sanctuary bdew kampanja sabiex jiġabru l-flus ħalli jinfetaħ inċineratur ġdid u sa ftit ilu kienu ġabru €10,000, biex jixtru incineratur ġdid li jiswa €24,000.
Maria D'Amato, persuna li taħdem ħafna għad-drittijiet tal-annimali, tkellmet ma' Xarabank u qaltilna li rċeviet telefonata mingħand raġel li qalilha li mititlu l-kelba u peress li l-inċineratur m'għadux hemm ma jafx x'se jaqbad jagħmel.
"Għal dan ir-raġel u martu, il-kelba kienet parti mill-familja b'hekk ma kinux se jaċċettaw l-option li joħduha l-biċċerija biex tintrema ġo skip mal-annimali l-oħra," qaltilna Maria. "Meta jkollok pet tkun trid rikordju tiegħu; jew iżżomm l-irmied tiegħu, jew għall-inqas tidfnu f'post li taf, b'mod dinjituż."
Peress li dan ir-raġel ma għandux art privata tiegħu fejn jidfen lill-kelba u lanqas m'hawn inċineratur fejn jikkremaha, huwa ġie daru mal-ħajt u ma kienx jaf x'se jaqbad jagħmel. B'hekk tkellem ma' Maria D'Amato u talabha tgħinu. Maria rat kif għamlet u rnexxielha ġġib permess mingħand missierha sabiex din il-kelba tindifen fl-għalqa tieghu. U hekk għamlu.
Maria D'Amato
Ir-raġel u martu xtaqu juru l-apprezzament tagħhom lejn dak li għamlet Maria u xtaqu jagħtuha rigal iżda hi insistiet li m'hemmx imniex u qaltilhom biex fil-każ jagħtu donazzjoni żgħira lill-Island Sanctuary sabiex ikomplu jgħinu biex jinfetaħ l-inċineratur il-ġdid. Dan ir-raġel, li hu Erskine Vella mill-Best Deal Properties tkellem mal-business partner tiegħu Christopher Attard u flimkien iddeċidew li f'isem il-Best Deal Properties jagħtu d-donazzjoni ta' €14,000 lill-Island Sanctuary, jiġifieri l-ammont sħiħ li kien baqa' sabiex tiġabar is-somma sħiħa biex isir l-inċineratur.
Christopher u Erskine
No comments:
Post a Comment