best deal

Sunday, 18 February 2018

Tikteb kanzunetta għan-nannu tagħha f'għeluq it-30 sena minn meta qatluh brutalment


Alfred Darmanin kien wieħed mill-erba' vittmi ta' erba' omiċidji li baqgħu mniżżlin fl-istorja ta' Malta  fost l-aktar delitti koroh li qatt ġraw. Darmanin, raġel tal-familja u missier, kien xufier ta' taxi, u tletin sena ilu bħal-lum, fit-18 ta' Frar tal-1988, inqatel brutalment waqt li kien qed jaqdi dmiru fuq ix-xogħol.

Illum, tletin sena wara, in-neputija tiegħu Haley kitbet kanzunetta u nediet il-music video tagħha b'tislima għan-nannu tagħha.

Lucienne, omm Haley u bint Alfred, qaltilna li meta qatlu lil missierha, hi kienet għadha l-età ta' Haley, u allura, il-fatt li Haley għażlet li ta' din l-età tiddedika din il-kanzunetta għan-nannu, iqanqlilha memorji xejn sbieħ ta' meta hi kienet l-età tat-tifla tagħha u ġew jagħtuha l-aħbar li missierha nqatel innoċentament.

Il-kanzunetta jisimha Bla Bolla u Bla Timbru u fiha, Haley tikteb ittra lin-nannu tagħha, li fiha tgħidlu x'qed tħoss f'dan il-jum, imma li ma tistax twaħħlilha bolla u timbru, għax hija ittra li n-nannu ma jista' jirċeviha qatt. Bit-tama li n-nannu jismagħha xorta, it-tfajla ċkejkna tpoġġi l-ittra ġo envelope u tmur tqiegħda fuq l-għatba tal-Knisja taċ-Ċimiterju tal-Addolorata fl-aħħar tal-kanzunetta.

Haley ma tiftakrux lin-nannu, għaliex miet ħafna qabel twieldet hi. "Milli jgħiduli dwaru, kien raġel ċajtier u ta' qalb kbira, u minn dak li kellu hu, kien igawdi kulħadd," qaltilna. "Għalkemm qatt ma ltqajt miegħu, xorta nħobbu u naħseb fih. U jiena ċerta li għalkemm ma kellux ix-xorti li jara lin-neputijiet jitwieldu u jikbru, xorta waħda huwa kburi bil-ħdax li aħna."

Tkellimna wkoll ma' Lucienne, omm Haley u bint Alfred. "Din id-diska reġgħet ġeddet memorji koroh ta' dak li għaddejna minnu dak iż-żmien, imma fakkritna wkoll fil-mumenti sbieħ li qattajna miegħu meta kien għadu ħaj," qaltilna. "Missieri żgur kien ikun kburi ħafna b'Haley, u għalija, li t-tifla ddedikat l-ewwel kanzunetta oriġinali tagħha lil nannuha, hija l-isbaħ rigal li stajt naqla'."

Għalkemm għadha pjuttost żgħira, Haley hija kantanta u ballerina li tipprometti ferm fuq it-televiżjoni u fuq il-palk. Tista' tisma' l-kanzunetta l-ġdida ta' Haley hawn:


Alfred Darmanin kien wieħed minn żewġ xufiera ta' taxi li nqatlu brutalment waqt li kienu fuq ix-xogħol fil-karozzi tagħhom. Il-qattiela kienu tawhom daqqiet ta' sikkina biex jisirqulhom xi flus li kellhom.

Illum, il-qattiel ta' Alfred qed jiskonta sentenza ta' għomor il-Ħabs u huwa l-aktar persuna f'Malta li ilu l-Ħabs.

No comments:

Post a Comment