Monday, 19 March 2018
9 affarijiet li tgħallimna mill-intervista esklussiva li għamilna mal-Kummissarju tal-Pulizija
Nhar il-Ġimgħa li għadda f'Xarabank kellna intervista esklussiva mal-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Lawrence Cutajar. Dak kien ħamest ijiem wara li ġuvni Malti tilef ħajtu traġikament f'Paceville. U lill-Kummissarju staqsejnieh dwar is-sigurtà f'Paceville.
Dawn huma 9 affarijiet li sirna nafu minn dik l-intervista:
1. Il-Pulizija ma jistgħux jagħtu informazzjoni lill-ġurnalisti, u pulizija li jinqabad jagħmel dan jittieħdu passi dixxiplinarji kontra tiegħu.
2. F'Paceville jiġu rrappurtati aktar reati minn nies barranin milli minn nies Maltin. Meta staqsejnieh jagħtina n-numri qalilna li r-reati mill-barranin huma kważi d-doppju tar-reati mill-Maltin.
3. Jekk Pulizija jkun off u jkun qed jiddeverti Paceville u tinqala' ġlieda jew jara reat, għandu d-dmir li jintervjeni. Jekk ma jintervjenix ikun qed jonqos minn dmiru u l-Korp jieħu passi dixxiplinarji kontrih. "Min jidħol Pulizija jkun jaf għal xiex dieħel. Jekk mhux lest li jieħu din ir-responsabbiltà, ma jidħolx," qalilna l-Kummissarju.
4. Fl-aħħar sentejn, l-ammont ta' pulizija f'Paceville żdied b'mod konsiderevoli. Mit-Tnejn sal-Ħamis ikun hemm 20 pulizija kuljum. Il-Ġimgħa u s-Sibt ikun hemm 30 pulizija f'Paceville. Il-Ħadd ikun hemm 25 pulizija. U dawn huma biss il-pulizija bl-uniformi. Ikun hemm diversi pulizija oħra li ma narawhomx.
5. Il-Korp tal-Pulizija għandu biss CCTV camera waħda fit-toroq ta' Paceville. Il-Korp qed jaħseb biex iżid aktar minnhom.
6. Il-Korp tal-Pulizija se jibda proġett pilota biex jintroduċi l-body cameras fuq il-pulizija.
7. Skont il-Kummissarju, fil-maġġoranza tal-każi, il-Korp tal-Pulizija jsib ħafna appoġġ u għajnuna mill-bouncers ta' Paceville.
8. L-istatistika turi li il-gentlemen's clubs f'Paceville huma l-inqas ħwienet li jinqala' nkwiet fihom.
9. Skont l-istatistika, fl-aħħar sentejn, ir-rata ta' kriminalità f'Paceville naqset bin-nofs u mis-sena l-oħra għal dis-sena, f'Paceville ġew irrappurtati 560 reat inqas milli ġew irrappurtati s-sena l-oħra.
Inti x'taħseb? Ikkummenta hawn taħt...
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment