
Jesmond. Sena ilu jimrad bil-kanċer.
"F'Jannar tas-sena l-oħra ħassejt boċċa taħt spallti li bdiet tikber. F'jum minnhom kont muġugħ ħafna li mort għand it-tabib. Ħaduli biopsy u rrizulta li għandi kanċer. Bdejt il-kimoterpija u f'Settembru li għadda mort l-Ingilterrra fejn għamilt it-trapjant. Għamilt 3 xhur ngħix fil-flats ta' Puttinu u bħalissa għadni taħt osservazzjoni."
Jgħidilna x'ħass meta sar jaf bl-aħbar li marad. "Xokk kbir. Ħadd ma jobsorha li xi ħaġa bħal din tiġi fuqek. Ħafna jgħidu li tkun waqgħet id-dinja fuqhom, però dak il-ħin moħħi ma bediex jaħseb. Bdejt nipprova naċċetta l-aħbar iżda xorta kelli l-biża' li ma nafx x'se jiġri minni. Ta' madwari wkoll ħadu xokk, però pprovaw ma jurunix biex jagħmluli kuraġġ."
23 sena ilu, Jesmond kien il-ħabs meta esperjenza lil Ġesù f'ħajtu. Din għenitu fil-marda tiegħu. "Il-passat tiegħi kien differenti mil-lum. Kelli esperjenza ta' ħabs u kien f'dak il-post li esperjenzajt lil Kristu. Kien ġie grupp ta' talb li ġie jagħmlilna ikla. Ħafna bdew jaqsmu t-testimonjanzi tagħhom dwar kif iltaqgħu ma' Kristu f'ħajjithom u fihom rajt xi ħaġa li ma kinitx fija. Dik ridtha u fl-istess waqt bdejt ngħid li ma stajtx nibqa' hekk."
"Ġesù ħabbatli u tant kemm kienet qawwija dik it-taħbita, li aċċettajt l-offerta ta' Kristu u minn hemm 'il quddiem ma ħaristx lura. Li esperjenzajt lil Ġesù f'ħajti din għenitni. Nitolbu biex jgħinni u tajtu kelmti li jien se nintelaq f'idejh."
Jistqarr li Puttinu kien is-salvauomo waqt il-marda. "Puttinu jgħinek ħafna, kien qisu s-salvauomo tiegħi. Puttinu jidħol fis-sitwazzjoni tiegħek u jagħtik tama u l-kuraġġ, u joħdlok ħsieb biċċa xogħol kbira; il-post fejn toqgħod."
Jesmond iwassal appell. "Nappella lin-nies biex jgħinu nhar il-Ġimgħa f'Xarabank għax ikun ideali li jinbnew il-flats fiċ-ċentru ta' Londra. Ma jgħinx li n-nies ikollhom bżonn jivvjaġġaw sagħtejn 'l hemm u sagħtejn lura, iktar u iktar jekk ikunu għadhom kemm ħadu t-treatment."
Nhar il-Ġimgħa f'Xarabank, ftakar f'Puttinu.
No comments:
Post a Comment