best deal

Thursday, 1 March 2018

BIL-FILMAT: Imorru l-emerġenza wara li tmurilhom xi ħaġa ħażina fis-sess


Xarabank mar l-isptar Mater Dei biex jistaqsi dwar l-emerġenzi li jidħlu u li jkunu marbuta mas-sess.

Iltqajna ma' Dr Maryrose Cassar, konsulent li ilha taħdem fid-dipartiment tal-emerġenza għal dawn l-aħħar 20 sena. Veru xi nies jidħlu l-isptar għax tkun maritilhom xi ħaġa ħażina fis-sess? "Aħna l-uniku dipartiment tal-emerġenza f'Malta u jekk veru jkun hemm xi ħaġa li maritilhom ħażin fis-sess, għandna se jiġu. Jiġu b'affarijiet minuri u nkunu nistgħu nirranġawhom dak il-ħin, u ġieli kellna okkażjonijiet li ma kinux daqshekk komuni, però mhux rari lanqas. Kellna nies li weġġgħu serjament, tant li anke kellna bżonn li nagħmlulhom interventi u operazzjonijiet maġġuri. Dawn isiru speċjalment fejn ikun hemm prattiċi ta' penetrazzjonijiet b'affarijiet li jaqtgħu."


Dr Cassar tagħti xi pariri. "Jekk se jintużaw xi tip ta' oġġetti importanti li ma jkunux affarijiet li jaqgħu, speċjalment il-ħġieġ. Idealment jekk se jintużaw xi sex toys ikunu dawk li huma ċċertifikati u li jkunu siguri. Ġieli rajna flixken tal-fwejjaħ jew deodorants li jkunu nkissru jew ma jkunux jistgħu jinħarġu. Rajna wkoll affarijiet ta' metall li minbarra li jaqtgħu, ikun diffiċli biex jinħarġu. Kellna sex toys eseġerati kif ukoll ħaxix. Jekk l-affarijiet jitilgħu 'l fuq jew jintilfu jew ma jkunux jistgħu jinħarġu, ħafna drabi jkollna noħorġuhom b'operazzjoni. L-affarijiet jistgħu jmorru ħażin ħafna u jipperikolaw il-ħajja ta' dak li jkun."

Dr Cassar tispjega li huma ma jarawx biss konsegwenzi fiżiċi iżda anke psikoloġiċi. "Ikollna ħafna nies imbeżżgħin u mwerwrin, ħafna drabi wara sess mhux ippjanat. Jiġu b'biża' li ħadu xi marda. Tajjeb illi wieħed jieħu ħsieb saħħtu u tajjeb li jekk jagħmel sess każwali, jieħu l-pariri ta' x'jista' jagħmel. Però m'aħniex id-dipartiment tal-emerġenza għal dawk l-affarijiet. Barra li jeżistu ċ-ċentri tas-saħħa, u hemm tobba li jistgħu jwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet, jeżisti wkoll li GU Clinic."

Jiġu iktar irġiel jew iktar nisa? "Hawn rajt iktar irġiel milli nisa. Ħafna drabi jkun hawn sens qawwi ta' mistħija u infatti qabel jidħlu hawn, jagħtu verżjoni naqra differenti jew inkella jgħidu li jixtiequ jkellmu tabib għax daqsxejn personali."

Nhar il-Ġimgħa, Xarabank se jkompli fuq is-sess.

No comments:

Post a Comment