best deal

Monday, 5 March 2018

BIL-FILMAT: L-ewwel messaġġ li tirċievi Jessica kien mingħand Christabelle


Jessica Muscat se tirrappreżenta lil San Marino fil-Eurovision Song Contest fil-Portugall, f'Mejju li ġej.



Is-Sibt li għadda Jessica Muscat rebħet il-festival ta' San Marino bil-kanzunetta Who We Are. Aħna tkellimna magħha u qaltilna li ma stennietx li se tirbaħ. "Ma stennejtx li se nirbaħ. Fil-fatt kienet qed tissemma ħafna kantanta oħra u xħin għajtu ismi, ma kontx qed nifhem x'inhu jiġri. Għadni s'issa ma nistax nemmen li se nkun il-Portugall. Dak il-ħin werżaqt twerżiqa biex noħroġ l-emozzjonijiet li kelli fija. Kienet ħaġa sabiħa mhux għalija biss imma għal min issapportjani minn dejjem."

Ma kinitx triq faċli għal Jessica għax fl-aħħar ġimgħa kellha ssib lil xi ħaddieħor minflok il-kantant rapper. "Kelli rapper miegħi minn San Marino iżda fl-aħħar ġimgħa, qabel ma tlajna għall-finali, iddeċieda li jirtira. Ħass li l-kanzunetta tiegħi hi wisq pop u fl-aħħar ġimgħa kellna nsibu lil xi ħadd minfloku. Kelli qalbi maqtugħa imma rnexxielna wkoll."

Tgħidilna li minn dejjem xtaqet tirrappreżenta lil Malta. "Għal min isegwini, jaf li għaddejt 7 darbiet għall-Eurovision. Però dawn l-aħħar sentejn, minkejja li tfajt xi kanzunetti, anke b'kompożituri u awturi differenti, m'għaddejtx. Ma stajtx nifhem x'kont qed nagħmel ħażin. Xħin erġajt ma għaddejtx din is-sena, ħarġet din il-kompetizzjoni li kienet miftuħa għad-dinja kollha. Għedt ħa nipprova u qatt ma bsart li se ngħaddi u wisq anqas li se nirbaħ."

U kif qed tħossha Jessica li se tkun qed tikkompeti fl-istess semifinali ma' Christabelle li se tirrappreżenta lil Malta bil-kanzunetta Taboo? "Qed inħares lejha b'mod pożittiv. Christabelle kienet l-ewwel waħda li bagħtitli biex tgħidli proset. Kienet ilha ssegwini u kienet qaltli, 'Kemm nixtieq li din l-esperjenza naqsamha miegħek.' Naħseb li f'din l-esperjenza nistgħu nissapportjaw lil xulxin. Li hemm favur tagħna hu li minħabba li ma nistgħux nivvutaw lil Malta, issa l-Maltin issa jistgħu jivvutaw għall-Maltija."

Illum Jessica, li hi għalliema tal-Ispjanol, daħlet xogħol u tispjegalna kif laqgħuha t-tfal tal-iskola. "Ilbieraħ wasalt lura Malta u llum dħalt għax-xogħol. Kulħadd ġej jgħannaqni u ħadd ma seta' jemmen. It-tfal huma kuntenti ħafna u diġà qaluli li għandhom ir-ringtone bil-kanzunetta tiegħi. Għandi tfal veru ħelwin."

Ara l-mument meta Jessica rebħet is-Sibt li għadda: 

No comments:

Post a Comment