
"Qabel daħluha għall-operazzjoni, qalli biex ngħannaqha waħda għax forsi kienet se tkun l-aħħar waħda," Joseph Armani.
Ma' Mark fil-karozza, Joseph Armani jispjega kif martu nqabdet tqila, u ma kinux jafu. "Wara li żżewwiġna eżatt, ridna tarbija oħra. Charlene nqabdet tqila u ma konniex nafu. Il-fetu kien weħel fit-tubu u ċ-ċiklu tagħha baqa' għaddej normali. Wara 8 ġimgħat infaqa' t-tubu."
Kienu Sqallija, meta Charlene taqa' mal-art. "Konna qegħdin bid-dgħajsa f'Sqallija u waqgħetli mal-art. Iġġennint u ma konniex nafu għaliex. Bdiet tgħidli li għandi ħafna wġigħ. Ġew l-ambulanzi u ħaduha l-isptar. Kif għamluha l-ultrasound, rajthom jippanikjaw għax kellha internal bleeding. It-tabib qalli li ħa joperaha u qabel qalli biex ngħannaqha waħda. Żied jgħidli li ħa jagħmel ħiltu imma ma setax iwegħedni li se jirnexxilu."
L-operazzjoni tirnexxi. "Iġġennint dak il-ħin. Bdejt nitlob u għannaqtha qabel. Qalbi riedet toħroġ. Meta ħarġet mill-operazzjoni u qaluli li kollox sew u biex nirringrazzja lil Alla li ġibtha fil-ħin. Din kienet waħda mill-agħar esperjenzi tiegħi. Il-mara hi kollox f'ħajti u nħobbha ħafna." Illum it-tifel għandu 3 snin.
Illum Joseph Armani flimkien ma' Richard Edwards ħarġu d-diska Let it All Out.
Tiftakaru li x-xahar li għadda, Richard Edwards sar papà? Ma stajniex ma nsaqsuhx kif sejjer bħala papà. "Tal-ġenn. Bħalissa rieqed raqda. Taf xi jfisser dan? Ftit paċi għal ommu u għal missieru. Żgur kantant ħa jkun għax iwerżaq mhux ħażin. Din hija l-isbaħ ħaġa tad-dinja," jgħidilna Richard.Kien qalilna li dan huwa miraklu."
Fl-istess waqt, Richard u Joseph Armani kienu qed jaħdmu fuq is-single l-ġdida Let it All Out. "Il-kanzunetta titkellem fuq xi ħadd li jkun għaddej minn mument daqsxejn diffiċli u għandu jinsa kollox, u fuq kollox joħroġ l-emozzjonijiet li qed iħoss ġewwa fih."
Dan huwa stil kompletament differenti minn tas-soltu. "Ridt nikteb kanzunetta li tqanqal gost, iktar u iktar la hi kollaborazzjoni ma' Joseph Armani."
Aħna tkellimna ma' Joseph Armani li jgħidilna kif hu flimkien ma' Richard kienu ilhom jgħidu li jixtiequ joħroġu diska flimkien. "Jiena u Richard ilna ħbieb minn meta konna tfal. It-tnejn li aħna mir-Rabat. Konna noqogħdu viċin xulxin meta konna żgħar u dawn l-aħħar 3 snin qed noqogħdu bieb ma' bieb. Konna ilna ngħidu li rridu nagħmlu xi ħaġa flimkien u fl-aħħar għamilnieha."
Se jerġgħu jaħdmu flimkien? "Mir-rispons tajjeb li ħadna dalgħodu, wara li ġie ppubblikat il-filmat fuq Xarabank, ma neskludix li nerġgħu naħdmu flimkien," jgħidilna Joseph Armani.
Il-filmat kien taħt id-direzzjoni u produzzjoni tal-Ġermaniża Virginia Maria Schmid. Filwaqt li r-ritratti kienu taħt id-direzzjoni ta' Mario Micallef, Shaun Formosa ħa ħsieb il-muntaġġ tal-filmat.
Din is-single se tkun ukoll fl-album li se joħroġ Joseph Armani wara s-sajf.
No comments:
Post a Comment