
Jum wara li neħles mill-ħabs, Xarabank ilaqqa' lil Chris ma' Stephen, ir-raġel li tah il-kilwa.
Ftit jiem ilu, Chris, li kien qed jiskonta sentenza l-Ħabs, inħareġ mill-ħabs wara li l-Kabinett ikkonsulta fuq it-talba li l-avukat tiegħu, Franco Debono, ressaq lill-President ta' Malta. Il-Kabinett wasal għad-deċiżjoni li minħabba l-kundizzjoni tiegħu, ikun aħjar li Chris jieħu t-trattament li għandu bżonn id-dar, fuq house arrest.
L-għada li nħareġ, Xarabank mar għand Chris li qalilha kif qed iħossu issa li nħareġ mill-ħabs. "Ferħan ħafna li ħriġt. Issa ħerqan li ġurnata b'ġurnata nissettilja l-affarijiet. Kienet sorpriża kbira tal-bieraħ filgħaxija. Lanqas ridt nemmen għax sirt naf minn fuq it-televiżjoni. Ġie priġunier ieħor u qalli, 'Telquk?' Għedtlu, 'Kif jista' jkun? Int qed tarani? Missni ħa tkun ċert li ma telqunix. Fl-istess ħin eżatt, ċempluli mill-amministrazzjoni biex immur niffirma xi karti."
Dak il-ħin stess iddoqq il-qanpiena u jidħol Stephen mill-bieb. Kif jaraw lil xulxin, Chris u Stephen jitgħannqu qishom żewġ aħwa.
Jgħidilna kif kompliet l-istorja Chris. "Imbagħad xħin iffirmajt, kellimt lil Dr Franco Debono u ċempilt lil Rachel. Però sirt naf li kulħadd kien jaf kollox u qaluli li qegħdin barra jistennewni. Mort ġoċ-ċella biex nippakkja u miegħi kien hemm żewġ uffiċjali. Wieħed bil-borża f'idu u jiena bdejt niftaħ il-gwardarroba, naqbad il-ħwejjeġ u nitfagħhom fiha u fl-istess ħin nisma' lil Stephen fuq it-televiżjoni."
U Stephen jgħidilna x'ħass malli sar jaf li se joħorġu lil Chris mill-ħabs. "Jien qabadni l-bard dak il-ħin.Ixxukkjajt ruħi. Kont ix-xogħol, il-ħanut, u kelli n-nies dak il-ħin. Ħadt pjaċir u ma kontx qed nistennieha."
Jgħidulna li ħadu daqqa kbira meta tilfu l-kilwa. Il-kilwa li Stephen ta lil Chris. "L-akbar tisbita kienet li wara xahar u ftit tliftha," jistqarr Chris. Stephen iżid jgħid, "Naħseb dik ħa tibqa' l-marka ġo fija." Chris jispjega, "Pass bħal dak ma tagħmlux biex jitlifha. Nifhem is-sitwazzjoni tiegħu u xi jrid jgħid. "Kieku jqiegħed bi tlieta, nagħtihielu imma b'waħda ma nistax," jgħidilna Stephen.
No comments:
Post a Comment