best deal

Thursday, 22 March 2018

Danusan jiftħulha dwar Alla, ir-Reliġjon u l-Knisja


F'intervista riċenti li kellhom mas-sit universeoffaith.org, id-duo komiku Danusan fetħu qalbhom dwar dak li jaħsbu dwar Alla, il-Knisja u r-Reliġjon. Fl-intervista jammettu li ħafna quddies huwa "boring" u jgħidu li l-fidi hi bħall-ġobon. Imma jiżvelaw affarijiet oħra wkoll.



Fl-intervista, Daniel u Sander it-tnejn jammettu li jemmnu f'Alla u jħobbu l-Knisja.

"Il-fidi hi bħall-ġobon - timmatura u titjieb maż-żmien," jgħid Sander. Jirrakkonta li bħal ħafna żgħażagħ, f'żogħżitu kien hemm ħafna affarijiet li aljenawh minn Alla, imma aktar ma kiber, aktar fehem x'inhuma l-prijoritajiet ta' ħajtu.

Danusan jgħidu li jieħdu pjaċir imorru l-quddies mal-familja nhar ta' Ħadd, imma jammettu li ħafna quddies huwa "boring." Ir-raġuni, skonthom, hi li l-Knisja mhix qed tipprepara l-quddies u l-qassisin kif suppost.

"Il-Knisja m'għandhiex standards," jinsisti Sander. "Il-quddiesa hija performance ukoll sa ċertu punt, u n-nies li jmorru għaliha huma l-udjenza li tisma' u tipparteċipa. Għalhekk il-qassisin għandhom jingħataw taħriġ tajjeb fil-mod kif jippriedkaw u jikkomunikaw, l-aktar dawk li m'għandhomx it-talent naturali li jitkellmu fil-pubbliku," ikompli. "Il-Knisja trid tifhem li mhux il-qassisin kollha tajbin biex jippriedkaw. Bħal fuq il-palk, xi wħud ikunu aħjar kieku jaħdmu minn wara l-kwinti. Hemm qassisin li huma aħjar għall-qrar, u oħrajn aħjar għall-omeliji.

Sander waqt l-aħħar show ta' Danusan, "Dan vs San"

"Onestament, quddiesa li ma tagħtinix "boost" u ġġagħlni nħossni ferħan, nobogħdha," jistqarr Daniel. "In-nies jinvestu l-ħin u l-enerġija biex imorru l-quddies. Fix-shows tagħna, in-nies li jkunu ġejjin jarawna jippreparaw ruħhom u jilbsu sabiħ, u biċċa minnhom jaqbdu ajruplan biex jiġu jarawna. U aħna għandna d-dmir li ma ndejquhomx. Għalhekk sketch waħda ma ddumx aktar minn 10 minuti, għax in-nies jitilfu l-attenzjoni. Allura kif tista' timmaġina li se jissaportu priedka ta' 20 minuta?"

Mill-banda l-oħra, kemm Daniel u Sander jgħidu li jippruvaw imorru l-quddies mal-familja kull nhar ta' Ħadd. It-tnejn jammettu li l-Knisja għamlet u qed tagħmel ħafna ġid f'Malta, u jirrabjaw meta xi nies jaħsbu li l-qassisin kollha jabbużaw mit-tfal.

"Kieku ma kienx għall-Knisja, kieku Malta mhix il-pajjiż li hu llum," jgħid Sander. "Il-Knisja għadha qed taqbeż ħafna għal min għaddej mill-inġustizzji, u tgħin ħafna nies bi problemi kbar."

Daniel waqt l-aħħar show ta' Danusan, "Dan vs San"

Danusan marru wkoll il-missjoni fiz-Zambia, u jirrakkuntaw li dik l-esperjenza biddlitilhom il-mod ta' kif iħarsu lejn il-Knisja.

"Meta tmur fil-missjoni tirrealizza li l-Knisja qed tagħmel ħafna aktar xogħol minn dik is-sempliċi quddiesa ta' nhar ta' Ħadd," jgħidu.

Tista' taqra l-intervista sħiħa  ma' Danusan billi tagħfas hawn.

Daniel u Sander mal-karru li għamlu tagħhom għall-Karnival ta' din is-sena

No comments:

Post a Comment