Friday, 16 March 2018
L-istennija tagħha kienet bħall-istennija ta' omm li ġġorr tarbija għal 9 xhur sħaħ
Dawn Nicolette u Johann. Wara 6 snin miżżewġin, ftit jiem ilu addottaw lil Leah Mae. Jistqarru li l-istennija ta' Leah Mae, kienet l-istess bħal omm li ġġorr tarbija għal 9 xhur sħaħ.
Nicolette u Johann ma setax ikollhom tfal u ħadu d-deċiżjoni li jaddottaw lil Leah Mae. "Aħna minn dejjem xtaqna li jkollna familja imma ċ-ċirkostanzi ma ppermettewx li jkollna t-tfal. Wara 4 snin miżżewġin, iddeċidejna li mmorru għall-adozzjoni. Ma kinitx faċli imma meta wasalna għaliha, qalbna għamlet paċi mal-adozzjoni. Ħassejna li l-istennija ta' Leah Mae, kienet l-istess stennija ta' omm li għal 9 xhur sħaħ flimkien mal-missier tistenna li tara 'l bintha."
Bl-għajnuna tal-aġenzija Tama, li mxiet magħhom il-proċess kollu biex jaslu, f'Mejju li għadda jirċievu t-telefonata li kienu ilhom jistennew. "Mhux aħna għazilnieha lil Leah Mae. Kellna l-għażla li nagħżlu tifla jew tifel, u l-età, però ħallejna l-bieb miftuħ għax meta tkun tqila ma tagħżilx. F'Mejju tas-sena l-oħra, irċevejna t-telefonata li konna ilna nistennew u qalulna li għandna tifla mill-Indja. Dik it-telefonata ma ninsewha qatt. Ħassejna emozzjoni kbira. Meta jibda l-proċess tal-adozzjoni, tkun diġà bdejt tħobb it-tarbija li fi jiem ta' wara se tkun it-tifla tiegħek. Inti tkun għaqqadt it-tarbija ma' dawk il-ħsibijiet li tkun ħsibt f'moħħħok."
Jgħidulna kif sabu kemxejn ta' problema biex jaddottaw minn Malta. "Iddeċidejna li naddottaw minn barra minn Malta għax hawnhekk l-adozzjoni hija limitata. Sfortunatament il-liġi ta' fejn jidħlu t-tfal hawn Malta nħoss li għandha tittranġa. Iktar l-fostering huwa mħeġġeġ hawn Malta."
Fi Frar li għadda, Nicolette u Johann marru jiltaqgħu ma' Leah Mae, mument li fih iltaqgħu mat-tifla tagħhom bħala mamà u papà tagħha. "Xħin ratna, bdiet tibki għax qatt ma kienet ratna qabel. Iżda wara sagħtejn konna diġà bnejn rapport sabiħ ħafna. Kien mument sabiħ ħafna li se nibqgħu ngħożżuh. Għalina tfisser id-dinja u kollox. Imliet l-ħajja ta' kuljum u tieħu pjaċir għax tibda tippjana kif ħa tqatta' l-ġurnata mat-tifla tiegħek."
Jirrakkontawlna kif it-tifla bdiet tapprezza affarijiet sempliċi li qatt ma rathom qabel. "Tgħallmek tapprezza l-affarijiet żgħar. Fl-istitut fejn kienet tgħix ma kienx hemm mirja u meta kienet magħna, rat mera u għaliha qisha rat ħaġa kbira. Meta rat tarġa, taret bil-ferħ għax qatt ma ratha qabel, u bdejna narawha tinżel u titla'. Fiha tibda tinduna kif fil-verità l-affarijiet żgħar jafu jkunu sbieħ għal xi ħadd li qatt ma esperjenzahom."
Johann u Nicolette jgħaddu messaġġ għal min ma jistax ikollu tfal u jixtieq jadotta. "Jekk f'qalbek tħoss li l-adozzjoni hi t-triq għalik, ma jaqtgħux qalbhom u joħduha. Ma jibżgħux mill-flus li l-adozzjoni jkollha għax meta ssib l-imħabba ta' bint, tinsa d-diffikultajiet kollha li jkollok."
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment