Dr Marlene Farrugia tistqarr li terġa' tuża dan il-kliem biex tfisser dak li tixtieq tgħid.
Dak il-waqt fil-Parlament kienet qed tiġi diskussa ż-Żona Industrijali ta' Bulebel u l-estensjoni tagħha. Dr Farrugia allegat li s-Segretarju Parlamenari Dr Clint Camilleri qed jipprova jiġġustifika dik li sejħet bħala s-'serqa' tal-art mingħand il-bdiewa Żwieten.
Iktar tard filgħaxija, Dr Farrugia tellgħet ritratt ta' ġbejniet t'Għawdex u nbid, u qalet:
Wara reġgħet kitbet li Dr Camilleri tixtraqlu iżjed d-deskrizzjoni ta' 'ġbejna mgħoxxa' għax mhu jagħmel xejn biex iħares l-interessi tan-nies li sippost qed jieħu ħsieb.
Ma' Xarabank Dr Marlene Farrugia qalet, "Qatt ma nista' nifhem kif min hu responsabbli mill-biedja ma jiftaħx ħalqu fid-difiża ta' raba' għammiel u l-uniku pulmun f'dawn in-naħa kif ukoll buffer bejn ir-residenti u ż-żona industrijali eżistenti. Għalhekk użajt il-kelma 'ġbejna' għax ġbejna tieħu l-forma tal-qaleb li tpoġġiha fih, u s-Segretarju tal-Agrikoltura qed iservi lill-Kastilja u mhux l-interess tan-nies."
Filwaqt li qalet li ma jiddispjaċihiex li użat dik il-kelma, qalet li terġa' tuża kliem bħal dan. "Iva nerġa' nagħmel użu minn kliem Malti li jfisser preċiż dak li nkun nixtieq ngħid. Naqbel ma' diskors deskrittiv li jiġbed l-attenzjoni u jilħaq il-moħħ u l-qalb tal-poplu Malti u Għawdxi. Żminijiet xokkanti jitolbu l-użu ta' lingwaġġ li jista' jitqies xokkanti minn xi wħud. Huwa lingwaġġ deskrittiv u mhux abbużiv."
Aħna tkellimna wkoll ma' Dr Clint Camilleri li qalilna li dawn mhumiex l-ewwel rimarki ta' Dr Marlene Farrugia. "Dawn huma rimarki li issa qed nidraw min-naħa tal-Onorevoli Marlene Farrugia. Ma tgħidhomx lili biss iżda wkoll lil diversi nies mill-kamp tal-Partit Laburista. Ir-rimarka ntqalet waqt li konna qed niddiskutu l-estensjoni tal-fabbriki li hemm ġewwa Bulebel."
"Waqt li kont qed nagħti r-rimarki tiegħi, ma nafx fejn kienet Marlene, naħseb kienet qiegħda ssegwi mill-bogħod u daħlet tiġri dak il-ħin. Minkejja li ma kontx qed inkellem lilha, bdiet tgħidli, 'Aqlagħlu ja ġbejna'. Dawn ir-rimarki, aħna l-Għawdxin imdorrijin bihom. Imdorrin b'nies li jħarsu 'l isfel lejn min hu Għawdxi. Kienet tidher ċara li użat dan il-kumment biex tintimida mill-fatt li jien minn Għawdex. Hija xi ħaġa li tweġġa', mhux lili, imma lil diversi Għawdxin, għax xbajna nisimgħu diskors b'mod indirett li ma jagħmilx ġieħ lill-poplu Għawdxi."
Dr Camilleri jsostni li huwa qed iservi lill-poplu Malti u Għawdxi. "Il-Gvern Laburista u jiena bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-agrikoltura ser inkunu u qegħdin inkunu l-ewwel gvern li qegħdin indaħħlu l-politika nazzjonali tal-agrikoltura sabiex nagħmlu pjan estensiv għall-għaxar snin li ġejjin b'diversi għanijiet li smajna permezz ta' konsultazzjoni mingħand il-bdiewa."
"Għalhekk pjuttost li din mhijiex kwistjoni ta' kastilja u li jiena qed inservi lill-Kastilja. Jiena parti minn Gvern li hemm Kastilja u kburi b'dan, u qed naħdmu biex nagħmlu r-riformi li hemm bżonn fejn tidħol l-agrikoltura li naħseb li kien mitluq għal diversi snin. Jekk nieħdu dan il-każ, ilbieraħ forsi Marlene ma setgħetx tgħid x'għedt għax ġiet fl-aħħar sekonda speċifikament biex tinsulentani, meta fid-diskussjoni ta' qabel kemm jien, kemm il-Ministru Josè Herrera u kemm il-Ministru Chris Cardona mal-ewwel tajna l-commitment li din iż-żona, il-maġġorparti tagħha, se tkun qed tiġi eskluża mill-iżvilupp tal-fabbriki għall-kuntrarju kif kien hemm issuġġeriet mill-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern."
Taqbel li membru parlamentari tindirizza membru parlamentari ieħor bħala 'ġbejna'?
U ahna nghidu GBEJNA ir-ragel tieghek ghaliex qisu kelb tal-butt gibtu Marlene.
ReplyDelete