Thursday, 22 March 2018
Qasmulu kantun fuq sidru
Id-duo magħruf bħala Tony and Mister Cool ta show oħra ta' saħħa barranija fil-pjazza tal-Mellieħa nhar il-Ħadd li għadda, u l-flus kollha li nġabru se jmorru għal Puttinu Cares.
Fost l-oħrajn, Tony u Mr Cool refgħu affarijiet tqal ħafna bħal washing machines u ċilindri tal-gass kbar. Tony ġibed tow truck u Mr Cool imtedd u qasmulu kantun fuq sidru.
Tony u Mr Cool, wieħed student l-Università u l-ieħor pensjonant, saru qishom ħobża u sikkina u huma magħrufin li jqattgħu l-ħin liberu kollu tagħhom jittrennjaw u jduru l-lokalitajiet madwar Malta biex jagħtu wirjiet ta' saħħa barranija li l-qligħ kollu minnhom imur għal xi għaqda filantropika.
Fost l-oħrajn, nhar il-Ħadd Tony ġibed tow truck u limousine, qatta' direttorju tal-Yellow Pages min-nofs, għawweġ taġen u refa' ħafna oġġetti tqal b'idejh. Fejn ikun, Tony jerfa' wkoll in-nies b'id waħda, u nhar il-Ħadd li għadda, din għamilha wkoll ma' xi nies li kienu qed jarawh.
Mr Cool, min-naħa l-oħra, għaġġeb lil kulħadd meta mtedd wiċċu ’l fuq u qasmulu kantun tal-konkrit fuq sidru. F'Xarabank konna ltqajna ma' Tony u Mr Cool, u Mr Cool kien qalilna li ilu ħajtu kollha jittrennja, biex illum, avolja pensjonant, kapaċi jiflaħ daqqiet qawwijin fuq żaqqu u sidru u kapaċi jerfa' jew jiġbed oġġetti kbar u tqal b'għonqu, widnejh, snienu u xagħru.
Ritratti: Taylor's Photography
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment