best deal

Thursday, 29 March 2018

Xarabank u Ħadd Għalik jitilfu kollega u ħabiba


Ta' kull filgħodu nsib iż-żewġ maggijiet lesti biex nibda l-ġurnata b'mug kafè. Dawn iż-żewġ maggijiet fuq id-desk illum ma sibthomx. 

Ilbieraħ tlifna lil Lorna tagħna, kollega u ħabiba. Ilbieraħ daħlet għax-xogħol u ħarġet minn hawn b'ambulanza. Illum nistennewha kemm nistennewha, mill-bieb tal-uffiċċju mhux se nerġgħu narawha tidħol.

Mgħobbijin bix-xogħol għall-programm t'għada ta' Puttinu, b'Ħadd Għalik u b'Tough Luck, ilbieraħ bdejna għodwa differenti mis-soltu. Hemm fuq is-sufan l-iswed, tokrob bl-uġigħ, u mdawrin magħha nistennew l-ambulanza ġejja. Toħroġ minn hawn fuq stretcher u tittieħed l-isptar.

Jgħaddu s-sigħat u kulħadd għadu jistaqsi għaliha. F'daqqa u l-ħin nirċievu telefonata. Qalulna li Lorna ħallietna. Ħoss ta' xejn. Kollha nħarsu lejn xulxin. Imma kif jista' jkun? Daqshekk smajna, 'Ħallihom hemm, issa nagħmilhom jien dawk?' u daqshekk rajnieha dieħla bil-ħalib u l-ħobż biex żgur ma jkun jonqosna xejn.

Lorna. Omm u mara li ħabbet bi mħabba kbira lis-sieħeb tagħha, lil uliedha u lin-neputija. Ma kinitx tgħaddi ġurnata, li ma kinitx titkellem fuqhom. Għaliha kienu kollox. Kienet tagħmel kollox għalihom. Mara li ma kinitx tiqaf sekonda. Il-ħin kollu għaddejja sa kmieni filgħodu basta tara li ma jonqos xejn. 

Kif taħdem kos il-ħajja. Is-siparju tal-ħajja għal Lorna ngħalaq u issa nfetaħ ieħor, dak li jibqa' għal dejjem.  Sakemm nerġgħu narawk Lorn!

No comments:

Post a Comment