Thursday, 19 April 2018
BIL-FILMAT: Dan l-ajruplan ħadulu 45,000 ritratt u ġie hekk
F'11-il jum, WE Media ġibdet 'il fuq minn 45,000 ritratt tal-ajruplan il-ġdid ta' Aigle Azur li ġie trasformat b'kuluri ġodda.
Aħna tkellimna ma' Xandru Azzopardi li kien involut f'dan il-proġett. Jgħidilna kif din il-biċċa xogħol straordinarja bdiet minn talba. "Dan il-proġett beda minn talba tas-sidien il-ġodda tal-ajruplan Aigle Azur illi bagħtu Malta l-ajruplan li kienu għadhom kemm xtraw biex jinżebagħ bil-kuluri l-ġodda tal-linja tal-ajru tagħhom."
Jgħidilna kif għamlu 11-il ġurnata intensivi biex jiġbdu t-trasformazzjoni sħiħa ta' dan l-ajruplan. "Ix-xogħol kien mifrux fuq żmien ta' 11-il ġurnata. F'dak iż-żmien l-ajruplan tnaddaf mill-kuluri l-antiki u nżebagħ bil-kuluri u bil-marki l-ġodda. Matul dan il-ħin kellna 3 kameras għaddejjin il-ħin kollu, b'kull kamera tieħu ritratt kull minuta biex b'hekk spiċċajna kellna 'l fuq minn 45 elf ritratt."
X'naraw fil-filmat? "Fih narawh il-proċess ta' kif ajruplan jibdel il-kuluri tiegħu kif ukoll it-technical markings li huma l-marki uffiċjali li jiddistingwu kull ajruplan. Dan isir meta jinbidel is-sid jew inkella l-operatur jew anke r-reġistazzjoni ta' kull ajruplan. L-iskop tal-filmat kien li l-maniġers tal-marketing jużaw il-filmat għat-tnedija tal-linja l-ġdida."
Itemm jgħidilna, "Għalina kienet l-ewwel darba li għamilna dan it-tip ta' xogħol u nħossu li għamilna xogħol tajjeb li operaturi barranin jistgħu jħossuhom kunfidenti li f'Malta hawn professjonisti kapaċi li jistgħu jafdawlhom dan it-tip ta' xogħol."
Aigle Azgur hija kumpanija Franċiża ta' daqs medja li bħalissa qegħdin ikabbru l-flotta tal-ajruplani u qed jiftħu rotot ġodda, fosthom minn Pariġi għal Beirut.
Filmat u muntaġġ: WE MEDIA
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment