best deal

Friday, 20 April 2018

BIL-FILMAT: Keith Demicoli jintervista lil zijuh li emigra lejn l-Awstralja


Keith Demicoli jiltaqa' ma' zijuh John li emigra lejn l-Awstralja wara 17-il sena, u jagħmillu intervista.
Fiż-żjara li Keith għamel lil zijuh, ma setax jonqosx li bħala ġurnalist jintervista lil zijuh. Ħaġa interessanti f'John hija l-imħabba partikolari li għandu lejn familtu. Din juriha b'kamra li għandu f'daru, li biddilha f'mużew tal-familja u li fiha ssib ritratt ta' kull membru tal-familja.



"Din il-kamra żammejtha apposta. Meta xtrajna d-dar kienet kamra tas-sodda. Però minħabba li għandi 3 t'ikmamar tas-sodda oħra, ddeċidejt li noqgħod ngħaddi ż-żmien f'din il-kamra u nagħmel ir-ritratti fl-inkwatri, u nwaħħalhom mal-ħajt." John għandu 6 itfal, kollha miżżewġin, 14 tfal ta' tfal, u għandu 11 tfal ta' tfal ta' tfal.



Ma' kull ħajt tal-kamra, insibu ħafna u ħafna ritratti tal-familja. Jispjega kif familtu tfisser ħafna għalih. "Il-familja tfisser kollox għalija. Ngħidlek il-verità nixtieq li mmut jien qabel kulħadd għax ma nistax noħodha l-mewt ta' xi ħadd mill-familja tiegħi. Ngħid, 'Kellu bżonn Alla jieħu lili l-ewwel.' Meta ngħid hekk, tal-familja jgħiduli, 'X'inti tgħid pa?' Aħjar jieħu lili l-ewwel."

Imma kif spiċċa l-Awstralja? "Niżel wieħed Malti lejn Malta, iltaqa' m'oħt l-mara u żżewwiġha. Ħajjar lil ommha u lil missierha, tellagħhom l-Awstralja, u mbagħad tela' ħuha, u telgħet oħtha l-oħra. Wara marti qaltli, 'Imxi ħa mmorru u għedtilha, 'U ħallini, fejn tridni mmur wara 6 snin il-Ġermanja.' Tlajt imma wara 5 snin, bdejt niddejjaq, u 7 snin wara erġajna nżilna Malta, però erġajna sibna ruħna hawnhekk."



Minkejja li għaddew ħafna snin, John baqa' jħobb lil Malta. "Malta ma ninsieha qatt. Nixtieq naqta' saba', u nerġa' mmur. Però minħabba li kelli operazzjoni żgħira fil-qalb, naqta' qalbi biex ninżel. Però Malta l-ewwel u qabel kollox. Ilni hawn ħafna u kważi lanqas drajt hawnhekk. Malta għalija hija kollox. Hemmhekk, għandi l-familja, in-neputijiet, il-kuġini, kollox għandi. Nieħu gost ninżel narahom imma ma nistax. Malti hija pajjiżi."

Meta Keith staqsa lil zijuh, liema kien l-isbaħ mument li żgur ma jinsieh qatt, jgħidilna li kien dakinhar li żżewweġ. "L-isbaħ mument li żgur mhux ħa ninsieha qatt, huwa meta żżewwiġt. Missieri kien strett fuqi, u mas-7 ridt inkun ġewwa. Ta' 17-il sena għedt lil missieri li qed naħseb biex niżżewweġ u żżewwiġt meta kelli 18-il sena u 7 xhur."



Issa se jagħlqu 60 sena miżżewġin u jgħidilna x'inhu s-sigriet wara dawn is-snin kollha. "Ir-relazzjoni tagħna kienet tajba ħafna. Kellna ftit tax-xorti li ltqajna u li qbilna ma' xulxin. Kellna 6 itfal. Ninsabu kuntenti ħafna. Niġġieldu wkoll u kultant ma naqblux imma mbagħad filgħaxija noqogħdu naraw it-televixin u jgħaddi kollox."

Ilbieraħ Keith spjegalna kif il-laqgħa maz-zijuh John kienet tfisser ħafna, u f'zijuh ra raġel li b'sagrifiċċju kbir u b'għafsa ta' qalb ħalla kollox warajh biex jagħti futur aħjar lil familtu.

No comments:

Post a Comment