Monday, 30 April 2018
BIL-FILMATI: Id-diska tad-DJ Malti Joseph Armani tispiċċa fuq l-MTV
Bid-diska Candy, DJ Joseph Armani huwa l-ewwel Malti li rnexxielu jasal s'hawn.
Aħna tkellimna ma' DJ Armani li jgħidilna kif id-diska tiegħu u ta' Baxter intgħoġbot mill-ewwel, malli ħarġet. "Din id-diska tnediet fuq waħda mill-ikbar record labels tal-Ewropa, Kontor, li qiegħda l-Ġermanija. Kif ħarġuha fuq il-YouTube Channel tagħhom, kien hemm rispons kbir, u sal-lum il-filmat rawh 'il fuq minn 61,000 darba. Daħlet fil-happy rotation, u fil-playlists tar-radios fil-Ġermanja, fl-Awstrija u fl-Iżvizzera, u mbagħad daħlet fiċ-charts mill-ewwel."
Din id-diska tintlemaħ mill-MTV imma sadanittant DJ Armani jgħidilna kif ma kellu l-ebda idea dwarha. "Wara ftit l-MTV lemħuha permezz tal-Kontor Channel u daqqewha. Ma kelli l-ebda idea u sirt naf għaliex l-MTV stess itteggjawni fuq Facebook. Din kienet sorpriża kbira għalija. Għall-ewwel ħsibt li qed jirreferu għad-diska li ħriġt f'Mejju li għadda f'Malta, Happy People, għaliex kienu diġà qaluli li ħa jdoqquha, però fuq din id-diska ma kelli l-ebda idea. Kienet sorpriża sabiħa u xewqa li qtajt minn fuq il-bucket list tiegħi."
Jgħidilna li din kienet waħda mill-għanijiet li xtaq jikseb. "Mhux li qatt ma immaġinajt li ħa nasal s'hawn, però dan minn dejjem kien it-tir tiegħi. Għalhekk nibqa' naħdem, ħalli nkompli nitjieb. Qatt ma kienet faċli għax ilni nipprova għal dawn l-aħħar 10 snin biex nasal s'hawnhekk."
DJ Armani jgħaddi messaġġ lis-segwaċi tiegħu u lill-artisti lokali. "Waħda mill-mottos ta' ħajti hi li qatt m'għandi ninsa minn fejn ġejt. Jiena ġejt mix-xejn. Ġejt min-Nigret ir-Rabat. Għalhekk nixtieq nirringrazzja lil kull min isegwini u huwa fan tiegħi għax kieku żgur ma kontx nasal s'hawn. Lill-artisti lokali ngħidilhom biex ma jaqtgħux qalbhom għax bħalma għamiltha jiena, jista' jagħmilha ħaddieħor. M'għandi xejn iktar minn ħaddieħor. Kif l-MTV lemħu lili, jistgħu jilmħu artisti lokali oħra."
Xi ħaġa interessanti li ma konniex nafu dwarha qabel hi li DJ Armani ħa jkun qed jagħmel tour promozzjonali fir-Russja għal din il-kanzunetta matul il-perjodu tat-Tazza tad-Dinja. Hu ħa jkun qed idoqq fi 11-il pajjiż differenti, fejn se jintlagħbu wħud mil-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja!
Segwi l-intervista sħiħa li Mark kien għamel fil-karozza:
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment