best deal

Monday, 2 April 2018

BIL-FILMATI: Il-Papa Ġwanni Pawlu II jagħlaq 13-il sena mejjet



Bħal-lum, 13-il sena ilu, ħallina l-Papa Ġwanni Pawlu II.


Min kien Papa Ġwanni Pawlu II?

Kien ilu iktar minn 4 sekli u nofs ma jkun hemm Papa li mhuwiex Taljan. Dakinhar li laħaq Papa, il-folla kien ċapċpet imma staqsiet: Min kien Karol Wojtyla?

Karol Wojtyla twieled fil-belt żgħira ta' Wadowice, fil-Polonja, fit-18 ta' Mejju tal-1920. Missieru kien uffiċjal fl-armata u kien jismu Karol ukoll, u ommu kien jisimha Emilia. Minbarra t-tfajjel Karol, il-koppja Wojtyla kellha żewġ ulied oħra, Olga li mietet qabel twieled Karol, u ħuħ Edmond. 



Minħabba li l-familja Wojtyla ma kinitx toqgħod 'il bogħod mill-knisja, it-tfajjel Karol kien jgħin fis-servizzi liturġiċi u kien għamel il-preċett ta' 9 snin.

Il-ħajja ta' Karol ma kinitx fil-knisja biss. Kienet l-għaxqa tiegħu jilgħab il-futbol ma' sħabu, dejjem fil-pożizzjoni ta' goalkeeper

Karol, meta kellu biss 8 snin, mietet ommu Emilia. 3 snin wara, ħuh Edmond li kien għadu kif sar tabib, ħa marda serja mingħand xi pazjenti tiegħu, u miet ukoll. Fid-dar, kien fadallu biss lil missieru.

Karol u missieru kienu marru joqogħdu fi Krakovja. Ta' età żagħżugħa, kien sar midħla tat-teatru, beda jikteb il-poeżija u d-drama, u kien anke jirreċta. Karol kien daħal l-Università biex jistudja l-filosofija u wara ntbagħat għal taħriġ militari. Ta' 20 sena, imutlu missieru b'attakk tal-qalb. F'20 sena ta' ħajtu, Karol tilef lil kulħadd, u spiċċa waħdu. 

Karol sar saċerdot f'Novembru tal-1946. Kompla l-istudji tiegħu f'Ruma u meta reġa' lura l-Polonja, ħadem ħafna fost l-istudenti universitarji u ż-żgħażagħ. F'Dun Karol, iż-żgħażagħ raw saċerdot li tassew fehemhom. Fil-ħajja tiegħu maż-żgħażagħ, waqt il-ħruġ magħhom fuq il-muntanji u ħdejn ix-xmajjar, Karol qatt ma nesa l-missjoni tiegħu bħala saċerdot, anke f'pajjiż komunista li ma jemminx li Alla jeżisti.




Karol inħatar isqof fl-1958 u 6 snin wara sar arċisqof tal-Krakovja. Mar Ruma biex jattendi u jieħu sehem fil-Konċilju Vatikan II, u fl-1967, Papa Pawlu VI ħatru bħala Kardinal. Kardinal li kellu jsir parti mill-istorja, mhux biss ta' pajjiżu iżda tad-dinja kollha.

Fis-16 ta' Ottubru 1978, Karol Wojtyla nħatar Papa. Għamel 9,665 ġurnata fit-tmexxija tal-Knisja.  Kien papa b'enerġija li żar 129 pajjiż. Ivvjaġġa 7025 mil, jiġifieri daqs 30 darba d-dawra tad-dinja. Kien papa b'saħħtu u b'enerġija kbira. Kienet ħakmitu l-marda tal-Parkinson's u saħħtu marret lura.

Minkejja kollox, Ġwann Pawlu II kien kompla bil-ħidma tiegħu, bit-tbatija kollha li kellu iżda wkoll bil-ħeġġa kollha li kellu meta kien b'saħħtu. Fl-aħħar dehra tiegħu fil-pubbliku, il-Papa kien ipprova jitkellem imma ma rnexxilux. Dakinhar il-folla kienet tatu l-kuraġġ. 

Fl-aħħar ftit ġranet, id-dinja kienet imħassba fuq is-saħħa tal-Papa u l-poplu ma ħallitux waħdu. Dakinhar Xarabank biddel il-programm biex propju jsegwi dak kollu li kien qed jiġri mill-Papa.





Is-Sibt 2 t'April 2005, fid-9:37 ta' filgħaxija, il-Papa Ġwanni Pawlu II għadda għall-ħajja eterna. Minn madwar id-dinja kollha, in-nies kienu ġejjin biex isellmulu.

Għall-funeral attendew ħafna dinjitarji, nies ta' reliġjon differenti, imma fuq kollox attendew in-nies. L-akbar folla li qatt rat Ruma sellmet lil dan il-Papa kbir. Papa li ħalla timbru fuq id-dinja kollha.

+


Kif tiddeskrivih lill-Papa Ġwanni Pawlu II? Ikkummenta hawn taħt.



1 comment: