best deal

Tuesday, 17 April 2018

BIL-FILMATI: Inti taqbel mat-tibdil fil-liġi tal-IVF?


Dr Chris Fearne ressaq abbozz ta' liġi tal-IVF. Fost l-oħrajn il-liġi tipproponi li raġel jew mara jistgħu jagħtu l-isperma jew il-bajda tagħhom lil koppja li qed tbati minn infertilità jew lil xi persuna single. Dan jistgħu jagħmluh darba biss f'ħajjithom.
Il-liġi li qed tipproponi li tinfetaħ diskussjoni pubblika dwar is-surrogacy, jiġifieri f'każ ta' kumplikazzjoni l-koppja tkun tista' tiddeċiedi li mara oħra ġġorrilhom it-tarbija u huma joħduha mat-twelid. Il-liġi tagħmel l-iffriżar tal-embrijuni legali u l-embrijuni li ma jittiħdux mill-koppja se jingħataw għall-addozzjoni.




Dwar dawn l-emendi, il-fondazzjoni favur il-ħajja u l-familja, Life Network Foundation Malta ma taqbilx. Aħna tkellimna maċ-Chairperson tal-Fondazzjoni, Dr Miriam Sciberras. Qaltilna li dawn l-emendi ma jagħtux kas l-interessi tat-tfal. 

"Ninsabu inkwetati għax dawn l-emendi ma jagħtux kas l-interessi tat-tfal. Agħar minn hekk inħossu li din qed tinbiegħ lill-pubbliku bħala ħaġa li hi vera tajba, meta fil-verità hemm ingann sħiħ dwarha. Il-lingwaġġ ta' din il-liġi qed jagħmel oġġett mit-tfal. Inti ma tiffriżax lit-tfal u ma tagħtix lit-tfal. It-tfal twellidhom u trabbihom."
Tistqarr li din il-liġi qed tħeġġeġ biex ikun hawn single mothers. "Din il-liġi qed tippromwovi biex inti tkun single minħabba dik li qed insejħulha 'ugwaljanza'. Din il-liġi qed tgħid li hi ħaġa pożittiva li toħroġ tqila mingħajr ma tkun taf lil missier. Dan minflok qed ngħinu liż-żgħażagħ ikunu responsabbli. Morru staqsu lit-tfal jekk jixtiqux lil jkollhom omm u missier, jekk jixtiqux li ma jkunux jafu minn fejn ġew."
Tistqarr li din mhijiex ugwaljanza kif donnha qed tidher. "Fejn hi l-ugwaljanza? Kif tista' tagħżel min jitwieled minn ġuf ommu u min imur għall-iffriżar? Min jaf kontx inti l-embrijun li tagħżel tmurx fil-friża jew minn titwieled minn ġuf ommok? Id-drittijiet tat-tfal qed jiġu injorati, u qed jiġu ċċentrati fuq il-bżonnijiet u x-xewqa tal-kbar."
Dwar is-surrogacy, Dr Sciberras tistqarr li tagħmel lill-mara kontenitur. "Is-surrogacy tkisser il-bonding li jibda bejn l-omm u t-tarbija, kif ukoll bejn il-missier. Fis-surrogacy, wara li mara tkun ġarret tarbija għal xhur sħaħ, qed ngħidulha, 'Ġib it-tarbija ħa nagħtuha lil ħaddieħor.' Qed inċaħħdu lill-omm u lit-tarbija minn affarijiet li jkunu bdew fil-ġuf. Il-movimenti kollha femministi kollha ma jaqblux mas-surrogacy għax tagħmel mill-mara kontenituri. F'dan kollu qed naraw li l-aqwa li twelled lit-tfal u kull min irid it-tfal nagħtuhomlhom."
Tappella lill-Membri tal-Parlament biex iġorru r-responsabbiltà tagħhom. "L-appell tiegħi lill-MPs kollha hu li jifhmu verament x'qed tipproponi din l-emenda għax iridu jġorru r-responsabbiltajiet, min se jiffirma favuriha, tad-danni li ħa jikkawżaw lit-tfal li ħa jitwieldu. Ħarsu lejn l-interessi tat-tfal, araw xi jridu. Tifqux biss fuq l-adult għax it-tfal għandhom id-dritt li jkollhom min jitkellem għalihom. M'għandhomx vot imma mhumiex oġġetti lanqas. It-tfal huma wliedna."



Aħna tkellimna wkoll ma' Claudette Abela Baldacchino, li għamlet użu mill-IVF u tqis li l-emendi huma pass quddiem. "Il-bidliet proposti huma pass kbir 'il quddiem. Se jagħtu ċans lill-iktar familji jkollhom l-ulied, iħobbuhom, jibnu familja u hemm diversi każi fejn se jnaqqsu t-tbatijiet li tgħaddi minnhom koppja, partikolarment mara li tagħmel IVF għax dan mhux proċess faċli. Jiena fost dawk li xtaqt li sar ftit iktar. Iżda, ladarba r-riżultat ta' dak propost se jfisser iktar IVF b'suċċes mis-servizz tas-saħħa pubblika, jiena bilfors irrid nappoġġja dak propost."

Tistqarr li mara m'għadhiex tiġi mċaħħda milli jkollha familja. "Biex insemmi eżempju wieħed hemm każi fejn mara tkun għaddiet minn mard u ma jkollhiex ċans iġġorr it-tarbija tagħha. Rajna każ bħal dan quddiem il-kumitat parlamentari fl-aħħar ġimgħat fejn din il-mara għandha l-offerta ta' oħtha, li tagħmel dan għaliha. B'mod altruwistiku, jien lil dik il-mara għaliex għandi nċaħħadha miċ-ċans li hi wkoll ikollha familja?"


Dwar l-adozzjoni tal-embrijuni, tgħidilna li ma tistax tifhem li l-għala hawn min hu kontriha. "Dan juri kemm il-proposti li qed isiru kienu studjati sew u għalhekk ma nistax nifhem l-oppożizzjoni fundamentali ta' wħud. Embrijun irid jintuża mill-koppja u jekk għal raġunijiet straordinarji ma jkunx sar hekk se jingħata l-ħajja b'adozzjoni. Jien naf koppji li marru barra minn Malta jagħmlu din l-adozzjoni. Issa se jkun hemm każi, għalkemm forsi rari, fejn dan jista' jsir Malta wkoll."

Permezz tal-IVF Claudette Abela Baldacchino tgħidilna li tat ħajja lil tewmin. "L-IVF ifisser li tajt ħajja lil tewmin, li għalija m'hawnx għeżez minnhom. Ifisser li nweġġa' meta nisma' min jitkellem fuq l-IVF qisu xi proċess skandaluż ta' barra minn hawn għax ikun qed jitkellem fuq uliedi. Imma jfisser ukoll jiena determinata iktar minn qatt qabel biex iktar familji jingħataw iċ-ċans li ngħatajt jien. Jekk jista' jkun f'pajjiżna u mhux lil minn minn xtutna f'ċirkustanzi li jżidu mad-diffikultajiet li diġà jkun hemm."



Nhar il-Ġimgħa se nitkellmu fuq l-IVF u dwar dan l-emendi. Inti x'taħseb?


Ritratt tax-xellug: Newsbook.com.mt
Ritratt tal-lemin: One Radio

No comments:

Post a Comment