best deal

Tuesday, 24 April 2018

Dawn it-tfal tgħallmu minn dan ir-raġel li tela' fl-ispazju 4 darbiet



L-istudenti ta' Mater Boni Consilii St Joseph ta' Raħal Ġdid kellhom l-opportunità li jistaqsu u jitgħallmu mill-astronawta Amerikan Daniel Tani.


Bħalissa f'din l-iskola għaddej proġett fejn l-istudenti flimkien mal-għalliema tagħhom għaddejjin bi proġett fejn ix-xjenza, it-teknoloġija u l-arti qed jingħaqdu flimkien b'mod kreattiv biex it-tfal jitgħallmu u jifhmu ix-xjenza u l-ispazju b'mod aħjar u aktar prattiku.


Bħala parti mill-inizjattiva tal-Arts Council Malta, l-istudenti u l-għalliema tal-iskola, flimkien ma' Dr Patrick Camilleri, li hu konsulent u lettur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta' Malta, u Dr Kenneth Vella, il-kap tal-iskola, kellhom iċ-ċans li jitkellmu mal-astronawta Amerikan Daniel Tani. Dan l-awstronawta tela' fl-ispazju 4 darbiet u għamel żmien twil fl-Istazzjon Spazjali Internazzjonali. It-tfal kellhom l-opportunità li jitgħallmu direttament mingħand l-astronawta fejn setgħu wkoll isaqsu l-mistoqsijiet huma stess!

Il-kap tal-iskola, Dr Vella, esprima l-apprezzament tiegħu lejn l-Arts Council Malta għall-appoġġ finanzjarju, lejn it-tfal u l-għalliema Francesca Camilleri u Sara Schembri għad-dedikazzjoni tagħhom, lejn Dr Camilleri għall-konsulenza u l-pariri professjonali tiegħu, l-ambaxxata Amerikana u dawk kollha involuti fl-organizzazjoni ta' din l-inizjattiva speċjali. 


Huwa rringrazzja wkoll lill-astronawta nnifsu Daniel Tani, lill-Gvern Amerikan u lill-uffiċjali għolja fl-ambaxxata Amerikana speċjalment lis-Sinjura Joanna Zingariello, lis-Sinjura Susan Ross PAO u s-Sur Mark Schapiro. Fi tmiem l-attività, is-Sinjura Ross għamlet donazzjoni ta' kotba u riżorsi mogħtija mill-Gvern Amerikan lill-iskola Maltija u kkonfermat li fil-futur l-iskola u l-ambaxxata se jkomplu jikkollaboraw f'attivitajiet oħra edukattivi. Hi ferħet ukoll lill-iskola u lill-istudenti għax fi kliemha din kienet l-ewwel darba li bħala ambaxxata organizzaw konferenza bħal din ma' astronawta Amerikan.

No comments:

Post a Comment