best deal

Wednesday, 25 April 2018

"Grazzi għal Alla rnexxieli naħfer il-passat tiegħi" - Fabrizio Faniello


Fabrizio Faniello kellu l-vizzju tad-droga u llum sab lil Ġesù f'ħajtu.

Aħna tkellimna ma' Fabrizio li jgħidilna kif Ġesù sar parti minnu. "Jiena sibt lil Alla f'ħajti meta kont qed nattendi d-dar tal-knisja tal-Caritas. Kien ikollna sessjonijiet u darba ngħatajna Bibbja. Dak il-ħin għedt, 'Jien ippruvajt kollox f'ħajti, ma nippruvax din?' U minn dakinhar 'l hawn ma waqaftx naqra l-Bibbja, kemm filgħodu u kemm filgħaxija. B'mod regolari nżomm kuntatt miegħu u nirringrazzjah ta' dak kollu li jagħtini matul il-ġurnata."

F'Fabrizio, Ġesù għamel differenzi kbar. "Inħossni aktar fil-paċi. Mhux għax ma taqbiżlix jew għax jien xi qaddis għax jien uman u niżbalja wkoll. Minn meta sibtu, bil-kelma tiegħu nħoss li dak il-vojt imtela. Jiena kont nieħu d-droga u ġieli jgħaddili ħsieb ta' meta kont nuża imma dak il-ħin stess, inrodd salib u ngħidlu, 'Please neħħili dan il-ħsieb minn moħħi.' U l-ħsieb dak il-ħin stess jitlaq."

Permezz tal-Bibbja, Fabrizio rnexxielu jaħfer il-passat tiegħu. "Grazzi għall-Bibbja wkoll, li biha nħossni iktar qrib Alla, irnexxili naħfer il-passat tiegħi u wkoll naħfer lil dawk in-nies li kienu madwari u weġġgħu."

Fabrizio jiddeskrivi lil Alla bħala ħabib tiegħu. "Qabel kont ngħidlu kuġin, illum il-ġurnata ngħajjatlu iktar bħala ħabib. Inkellmu daqslikieku qiegħed inkellem ħabib wiċċ imb wiċċ matul il-ġurnata. Nirringrazzjah talli jqajjimni, talli niekol, ta' dak kollu li jkolli, iktar u iktar meta naħseb fuq nies li huma inqas xxurtjajt, niftakar fihom fit-talb ta' filgħaxija."

Ftit tal-ġranet ilu, Fabrizio ħareġ l-album il-ġdid tiegħu bl-isem ta' Unexpected. "L-album kien kważi lest 4 snin ilu, però minħabba l-problemi li kelli ma kontx stabbli biżżejjed biex jinvestu fl-album. Għalhekk unexpected għax fl-aħħar wasal ukoll u f'mument opportun. Unexpected hija wkoll s-single ġdida li tittratta dwar kemm m'għandekx għalfejn taqta' qalbek fil-ħajja li ssib dik il-persuna li vera tirrispettak u tħobbok."



Isma' unexpected hawnhekk u sir af iktar dwar Fabrizio Faniello u l-kanzunetti tiegħu fuq il-website tiegħu https://fabriziofaniello.com/index.htm u fuq il-paġna ta' Facebook: https://www.facebook.com/fabriziofanielloofficial/

1 comment: