Din storja minn ħafna stejjer oħra fil-ktieb Pinzellati li kitbu 6 studenti mill-iskola sekondarja tal-Kulleġġ St Thomas More ta' Santa Luċija.
Sitt studenti ġabru l-praspar u l-istejjer li għaddew minnhom matul l-aħħar sentejn fi ktieb. Aħna tkellimna mal-LSAs tagħhom, Loranna Bonnici u Elysienne Farrugia, li jgħidulna kif xtaqtu jimmotivaw lill-istudenti tagħhom/
"Ridna nagħmlu xi ħaġa li timmotiva lill-istudenti tagħna. Huma jsegwu kors ta' ħiliet bażiċi u kellhom ċertu nuqqas ta' fiduċja fihom infushom. Ridna nagħtuhom xi ħaġa li dawn l-istudenti jibdew jemmnu li huma iktar kapaċi u li huma jistgħu jaslu. Fil-bidu tas-sena bdew jirrakkontaw xi praspar li għamlu f'dawn is-sentejn li għaddew, u għedna, 'Għaliex ma niġbrux dawn il-praspar fi ktieb?' Din l-idea għoġbithom, u minn hemmhekk bdejna naħdmu fuq dan il-ktieb. Sibna għajnuna mingħand il-mentor tal-klassi Ms. Claire Zammit, l-għalliema tal-Malti s-Sa Lilian Mercieca, l-awtur Trevor Zahra, l-assistenti kapijiet Ms Miriam Vella u Ms Joanna Mangion, u s-urmast is-Sur Mercieca."
Il-protagonisti tal-ktieb huma l-istudenti nfushom. "Fil-ktieb, l-ewwel insibu ftit informazzjoni fuq il-karattri tat-tfal. Imbagħad il-ktieb ikompli bi stejjer, bawxati, stejjer serji li jitkellmu fuq il-bullying, u mbagħad hemm dawk umoristiċi fejn ħadu pjaċi jaqbdu mal-għalliema li għallmuhom."
U x'inhi din l-istorja li s-Surmast spiċċa jkanta l-Innu Malti waħdu? "Fost l-istejjer insibu dik tas-Surmast. Is-Surmast ried li jerġa' jqajjem d-drawwa li darba fil-ġimgħa nibdew inkantaw l-Innu Malti. Però mill-bidu ġiet ftit ħażina għax tgerbeb fit-taraġ. Xħin ipprova jqum, ġabar in-nuċċali li tgħawweġ bil-waqgħa u spiċċa jkanta l-Innu Malti waħdu. Però impressjonanti kif fl-aħħar paragrafu ta' din l-istorja, it-tfal kitbu li s-Surmast kompla qisu mhux hu u dan li jagħmel lis-Surmast tagħna baħri tal-maltemp."
U kif spiċċat l-istorja ta' meta l-istudenti marru jixtru, flimkien mas-Sinjura Claire Zammit li tmexxihom, għal ikla bħala parti mill-programm dwar l-immaniġjar tal-flus?
Jekk għandkom kurżità kif tispiċċa din l-istorja, u dwar l-istejjer l-oħra, ixtru Pinzellati li jinsab fil-ħwienet ewlenin tal-kotba. U jekk tixtiequ tordnawh, ibagħtu messaġġ fuq il-paġna tal-Facebook tal-iskola: https://www.facebook.com/thomasmorestalucija/ jew ċemplu fuq 79330155 u 79280078.
Jien xtrajtu u veru hadt pjacir naqrah. Nghid proset lil istudent, l ghalliema u LSES. Gheziez studenti taqtawx qalbkom, komplu ahdmu fuq il-progetti sbieh bhal dawn ghax jghinukom fil hajja ta' kuljum.
ReplyDelete