Andrew ta' 20 sena miet wara li kellu emoroġija f’moħħu.
Kien biss sentejn ilu, meta bħal sajjetta fil-bnazzi Kenneth u Sharon tilfu lil binhom. "Kien Ġunju. Irċevejna dik it-telefonata li ħadd, l-ebda ġenitur, ma jkun irid jirċievi mill-isptar. Qalulna lit-tifel qiegħed f'koma. Inħasadna ħafna u kienet xi ħaġa li ma konniex qed nistennewha." It-tifel Drew jmut b'emorġija tal-moħħ.
Minkejja li għaddew ix-xhur, Sharon u Kenneth għadhom iħossu n-nuqqas ta' binhom. "Jgħaddi kemm jgħaddi żmien, nibqgħu nimmissjawh. L-uġigħ inħossuh daqslikieku għadha kif tiġri din it-traġedja. Anzi jgħaddi ż-żmien, u iktar nixtiequ li għadu magħna. Kull fejn indawru wiċċna, naraw affarijiet li jfakkruna fih. Tkun tixtieq tiftakru mhux tinsieh, u iktar ma tiftakar iktar tħossha li inti mifrud minn ibnek. Fuq il-kompjuter tiegħu għad hemm lista ta' films li xtaq jara sal-2020."
![]() |
Ritratt: Andrew flimkien ma' oħtu |
Għal Kenneth u Sharon, binhom huwa eroj. "Minn traġedja, Drew ta tama u kwalità ta' ħajja aħjar lil ħaddieħor. Minkejja li t-tifel tagħna ħallina, ħalla biċċa minnu hawn u bis-saħħa t'hekk qed jgħin lil ħaddieħor biex jgħix aħjar. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa llum affaxxinata bl-eroj, u għalina u għal min irċieva l-organi, Drew huwa eroj."
Bħalissa Kenneth, Sharon, u z-zija ta' Drew, Claire, li huma involuti fil-għaqda Transplant Support Group (TSG), u huma involuti f'kampanja Life After Drew li se ssir bejn Mejju u Ġunju, biex titqajjem iżjed kuxjenza dwar is-suġġett.
"Aħna omm u missier li ġarrabna t-telfa tat-tifel. Sibna ħafna għajnuna imma nħossu li għandu jkun hemm iktar sapport u għajnuna għal min jgħaddi minn dan il-proċess li wieħed jagħti l-organi tiegħu. Inħossu li għandha titqajjem kuxjenza, u għalhekk se nagħmlu kampanja bejn Mejju u Ġunju. Għan ieħor huwa li jżdiedu r-reġistrazzjonijiet għaliex bit-tibdil li sar fil-liġi, min kien irreġistrat bid-donor card, issa għandu bżonn jerġa' jirreġistra. Inħossu li fl-iskola għandha ssir edukazzjoni dwar xi tfisser li tkun altruwist, xi tfisser li tgħin lil ħaddieħor fuq livelli żgħar u kbar, xi tfisser li tagħti l-imħabba lil ħaddieħor, u li fuq kollox tkun altruwist anke wara mewtek."
Jekk tixtieq issir taf iktar fuq d-donazzjoni tal-organi idħol hawnhekk.
No comments:
Post a Comment