Thursday, 26 April 2018
"Ma stajtx nitkellem f'dari stess bl-istorbju li għamlu sas-sagħtejn ta' filgħodu"
Raġel lanqas seta' jkellem lill-persuna l-oħra li kellu miegħu f'daru stess minħabba l-mużika għolja li bdew idoqqu ta' maġenbu.
Dan ir-raġel jgħix fi Triq San Lawrenz Għawdex. Jgħidilna kif din is-sitwazzjoni qed jesperjenzawha nies oħra wkoll, u mhux hu biss. Però ħadd ma jażarda li jitkellem minħabba li hi komunità żgħir.
"Hemm ħafna residenti oħra, li jgħixu San Lawrenz ukoll, li għaddejjin minnha din is-sitwazzjoni. Però minħabba li hi komunità żgħira, fejn kulħadd jaf lil kulħadd, ħadd ma jrid jitkellem fuqha. Għandna problema kbira bil-postijiet li qed jinkrew għal qasir żmien, lil min jiġi għal vaganza, għax in-nies li jiġu, jagħmlu storbju sħiħ sa kmieni filgħodu, bil-konsegwenza li lanqas nitkellem f'dari stess ma nista'."
Jgħidilna kif fil-bidu tax-xahar li għadda, lanqas konverżazzjoni ma' persuna oħra fil-living room ta' daru stess ma setgħet issir. "Maż-żewġ naħat tad-dar tiegħi (u għaliha ħriġt ħafna flus), hemm żewġ postijiet tal-kiri u meta jintużaw, storbju sħiħ ikun hemm. Tant isir storbju li fil-bidu tax-xahar li għadda, jiena u persuna oħra lanqas stajna nitkellmu fil-living room!"
Dan minħabba li l-mużika għolja li bdiet tindaqq kienet għolja żżejjed. "Bejn dari u dawn iż-żewġ postijiet hemm ħajt komuni. Bdew idoqqu mużika li kienet għolja wisq. Biex nitkellmu jiena u l-persuna l-oħra, kellna nagħjtu ma' xulxin. Tajt ftit ċans iżda mbagħad kelli mmur inħabbatilhom biex ibaxxulu. Baxxewlu għal 5 sekondi, u reġgħu għollewlu. Spiċċajt kelli norqod bit-tajjar ma' widnejn għax l-istorbju baqa' għaddej sas-sagħtejn ta' filgħodu, u l-għada ridt inqum għax-xogħol."
Jappella biex tittieħed azzjoni. "Nixtieq li tittieħed azzjoni. Mhux għalija biss, imma għal oħrajn li jgħaddu minn dak li għaddej jien. Żgur li hemm xi ħaġa li tista' ssir. In-nies iridu jkunu jafu li meta jiġu f'dawn il-postijiet, hemm residenti oħra li jgħixu viċin tagħhom u l-għada jridu jqumu għax-xogħol, u mhux għal vaganza."
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment