
Nick ta' 11-il sena jbati minn spina bifida. Minkejja din il-kundizzjoni, Nick jipprattika l-karatè.
Aħna tkellimna ma' ommu Michelle, li tgħidilna kif meta twieled Nick, kellhom joperawh mal-ewwel. "Kelli tqala normali, u qatt ma qalulna li hemm xi problema. Però meta twieled qalulna li għandu spina bifida, kundizzjoni li toħloq nuqqasijiet fl-ispina tad-dahar u fl-għadam tagħha. Imbagħad kif twieled għamlulu operazzjoni."
Illum Nick qiegħed fuq siġġu tar-roti. U għal ommu dan kien xokk kbir malli saret taf li Nick għandu spina bifida. "Kien xokk kbir għax malli twieled qalulna li mhu ħa jkun jaf jagħmel xejn. Però llum il-ġurnata, inqisu bħal tfal oħra għax jagħmel kollox, minkejja li ma jimxix u juża s-siġġu tar-roti."
Minkejja din il-kundizzjoni, Nick ma jaqtax qalbu u jitħajjar jibda jipprattika l-karatè. "Ma jaqtax qalbu u jħossu l-istess bħal tfal oħra, tant li beda l-karatè. Ħuħ il-kbir imur il-karatè, u Nick kien imur miegħu biex jarah. Minn dejjem kien jgħidli li jixtieq jagħmel il-karatè u f'qalbi kont ngħid, 'Kif jista'?' u ma kontx inkun naf x'se naqbad ngħidlu. Però darba s-sensei qallu, 'Tridx tiġi pprova?'. Aċċetta u beda jmur."
Il-karatè lil Nick jagħtih sodisfazzjoni. "Il-karatè jgħinu ħafna lit-tifel u meta tkun ħa tasal kompetizzjoni, minkejja li ma hemm ħadd min jikkompettilu, xorta jkun entużast għax jagħmel demostrazzjoni. Minn qalbi nirringrazzja lis-sensei, lil Joseph Tanti, li mill-bidu nett emmen fih."
Michelle tistqarr magħna li kburija ħafna b'binha. "Kburija bih li narah jasal s'hawn, speċjlament meta niftakar f'dak li qaluli, li t-tifel mhu ħa jkun jista' jagħmel xejn. Nixtieq ngħaddi messaġġ lill-ġenituri li għandhom lit-tfal tagħhom ibatu minn din il-kundizzjoni biex l-aħjar ħaġa li jistgħu jagħmlu hu li jinsew x'għandhom uliedhom, u jipprovaw jagħmlulhom ħajja bħal tagħhom stess, u aħjar."

Aħna tkellimna wkoll mal-kowċ ta' Nick, ta' La Salle, Joseph Mizzi, li jgħidilna kif aktarx Nick huwa l-uniku tifel li jipprattika l-karatè minn fuq siġġu tar-roti. "Naħseb li dan huwa l-ewwel każ f'Malta li jipprattika l-karatè minn fuq siġġu tar-roti. Kien ħuħ li ħeġġeġ lil Nick biex jingħaqad magħna. Malli avviċinawna lqajnieh b'idejna miftuħin."
Jgħidilna li Nick għandu potenzjal kbir fil-karatè. "Għandu potenzjal b'saħħtu ħafna u huwa tifel determinat, u ma jaqtax qalbu. Minkejja d-diżabiltà tiegħu, ma jħarisx lejn tfal oħra u jgħid, 'Intom aħjar minni għax jien għandi diżabiltà.' Dak li jista' jagħmel, jagħmlu u jagħti l-100% tiegħu.
Huwa tifel iffukat u jitgħallem mill-ewwel. Bħalissa qiegħed blue belt u ħadem ħafna għaliha, u miexi 'l quddiem. Nixtieq li jkolli iktar studenti bħal Nick."
No comments:
Post a Comment