Ħbieb u Għedewwa ġew għand Xarabank għax dalwaqt se jxandar is-700 episodju!
Illum ġew iħabbtulna Frankie u Nadia, b'kejk li fuqu kellu l-kliem 700 episodju. Dan għaliex fis-17 ta' Mejju fuq TVM 1 se jixxandar is-700 episodju. Dak li 700 episodju ilu kellu jkun esperiment jew ħolma ambizzjuża, illum il-ġurnata sar parti integrali fil-ħajja ta' ħafna nies.
Ħbieb u Għedewwa kien intiż u maħluq biex ikun drama qasira għal waranofsinhar li kellha tlaqqa' lit-telespettatur mal-protagonist u karattri ta' familji fittizji u jsegwi kif minn ġurnata għall-oħra tiżvolġi ħajjithom. F'din id-drama naraw kif il-ħbiberija faċilment tinbidel f'sentimenti oħra, li għalkemm ġirien, huma ferm oppost għal xulxin. Ħbieb u Għedewwa jirrifletti ġrajjiet u atteġġjament li jekk inħarsu madwarna, aktarx insibhom fl-ambjent u l-inħawi li lkoll ngħixu fihom.
Ħbieb u Għedewwa żvolġa matul dawn l-erba' snin bl-istess pass li l-ħajja ta' kull wieħed u waħda minna tiżvolġi ħajjitna. B'dan il-mod ippermetta lit-telespettatur jirrelata aħjar u jħares lejn id-drama u l-karattri li jieħdu sehem bħala ġirien, ħbieb, għedewwa, sejħilhom li trid u bħalma jiġri normalment f'ħajjitna, inkunu irridu nafu x'qed jiġri f'ħajjithom dakinhar u kif se tiżvolġi ħajjithom għada.
It-Tlieta li għadda, il-cast u l-crew iltaqgħu biex jiċċelebraw. Ħadu xi ritratti kemxejn differenti mis-soltu u lagħbu xi logħob.
Għalhekk tinsiex, fis-17 ta' Mejju, 14-il jum ieħor, ara s-700 episodju ta' Ħbieb u Għedewwa!
No comments:
Post a Comment