best deal

Tuesday, 29 May 2018

BIL-FILMAT: "Ibni dam ma jitkellem sa ma kellu 9 snin" - Gracie


Din Gracie flimkien ma' binha Charlie.


Meta twieled Charlie... "Meta twieled Charlie, wara xi snin kont nibagħtu skola u kont ninduna li qisu hemm problema fit-tifel. Dam ma tkellem sa ma kellu 9 snin. Min jaf kemm waqagħli fix-xita u ġibruhuli n-nies. Lanqas ngħidlek kemm sofrejt. Sofrejt ħafna u ħafna."

Gracie titlob ħafna. "Dejjem nitlob lill-Bambin biex isibli xi mkien fejn nibagħtu biex jekk allaħares qatt niġi nieqsa jien, ikolli moħħi mistrieħ u mmut mewta mistrieħa." Biex isserraħ rasha fuq x'se jiġri minn binha wara li tmut, kontra qalbha daħal fid-Dar tal-Providenza, li nbniet bis-saħħa tiegħek. "Jgħidli, 'Ma niġi naqra u nerġa' mmur għax hemm dari.' Hu ferħan hemm."

Għal Gracie, Charlie jfisser ... "Il-mimi tiegħi. Jiddispjaċini għax ngħid li kieku qiegħed miegħi imma moħħi mistrieħ li hemm il-helpers miegħu." U meta Gracie xi darba ma tmurx tarah, tkun trid xorta tisma' leħnu. "Biex jgħidli dik il-benedizzjoni. Biha jbikkini. Lili jħobbni ħafna." Lil Charlie, Gracie timmissjah ħafna. "Dejjem nibkih. Ħassejtu wisq. Ngħidlu li nħobbu. Issa jien ġejt waħdi."

Bis-saħħa tiegħek u t'oħrajn nies bħal Charlie jistgħu jgħixu d-Dar tal-Providenza. "Din hija grazzja mingħand il-Bambin li hemm min jieħu ħsiebu. Jekk allaħares qatt nagħlaq għajnejja, moħħi mistrieħ." Bis-saħħa tiegħek, Charlie tgħidx kemm hu ferħan, u jixtieq jgħidlek grazzi.

No comments:

Post a Comment