Friday, 11 May 2018
BIL-FILMATI: X'għandhom xi jgħidu Christabelle u Jessika wara lbieraħ?
Ilbieraħ Christabelle u Jessika m'għaddewx għall-finali tal-Eurovision ta' nhar is-Sibt li ġej.
Christabelle qalet li r-riżultat ma jiddefinixxix dak li qed tħoss lejn ix-xogħol li għamlu. "Ir-riżultat ma jiddefinixxix dak li qed inħoss lejn ix-xogħol iebes u l-wirja li għamilna, kif ukoll li nwasslu l-messaġġ biex inkissru t-taboo. Għandi ħafna għal xiex inkun grata."
Kompliet il-messaġġ tagħha billi rringrazzjat lil ħafna nies, fosthom lit-tim kollu tagħha. Tistqarr li tħossha grata li kellha din l-esperjenza. "Ninsab grata ħafna għal din l-esperjenza, u li nista' ngħid huwa li nħossni kuntenta bil-messaġġi li rċevejt mingħandi in-nies li bagħtuli awgurawli għall-wirja tagħna! Se nkompli nara l-wirja darba wara oħra għall-bqija ta' ħajti bi tbissima fuq wiċċi. Se nkompli naħdem biex inkisser it-taboo kemm bħala ambaxxatriċi tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà kif ukoll bħala attivista ta’ Global Citizen."
Min-naħa l-oħra Jessika, il-Maltija li rrappreżentat lil San Marino, ukoll tinsab sodisfatta. "Hekk kif ngħid ċaw għal esperjenza memorabbli, u l-ġurnata tal-ġenn li kelli, mimlija avvenimenti, nixtiqkom tiftakruni bħala persuna li dejjem tidħak u kuntenta li tat l-aqwa tagħha. Inħossni grata bl-ammont ta' messaġġi mimlijin sapport. Emmnuni li onestament u veru napprezza kull messaġġ, għax intom waħda mir-raġunijiet li nagħmel dan, apparti l-imħabba li għandi lejn il-mużika."
Ma għandha l-ebda dispjaċir lejn din l-esperjenza. "Taħsbux li għandi xi dispjaċir lejn din l-esperjenza jew li jien imdejqa. Jiena ħriġt u kantajt minn qalbi u ħallejt xi ħaġa minn dak li jien, u lesta li nitlaq b'bagalja mimlija esperjenzi u memorji mill-isbaħ li nibqa' ngħożżhom għal ħajti kollha. Ħerqana għal dak li se jġib miegħu l-futur għalija. Nirringrazzja lil kull min ivvotalna u emmen fina. Dan huwa dak li aħna."
Illejla f'Xarabank se nitkellmu b'mod esklussiv ma' Christabelle u ma' Jessika.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment