Julian ta' 3 snin, ibati minn ebusija fiż-żewġ saqajn, u bħalissa qed jistenna li ssirlu operazzjoni.
Aħna tkellimna ma' ommu Tanya li tirrakkontalna kif ta' 10 xhur beda jżomm idu l-leminija magħluqa. "Kellu biss 10 xhur meta ndunajna. Konna qegħdin waqt sessjoni li konna mmorru jiena u t-tifel, u li tieħu ħsiebna ġibditli l-attenzjoni li Julian qed iżomm idu il-leminja magħluqa, forma ta' ponn. Għall-ewwel ħsibt li għax se jkun left handed, però ħeġġitni biex inkellem lit-tabib tal-isptar. Niftakar li kont għedt lit-tabib, u hemmhekk indunajna li hemm xi ħaġa ħażina. Qalilna li hemm xi ħaġa fil-moħħ, ibbukkjalu MRI u mit-testijiet ħareġ li għandu cerebral palsy."
Tgħidilna x'ħasset dak il-ħin bħala omm. "Dak il-ħin ħassejt id-dinja taqa' fuqi. Kont inħares lejn u nistaqsi lili nnifsi jekk hux se jgħix. Sakemm ħareġ ir-riżultat tal-MRI, qlibtu moħħi dwar x'seta' għandu t-tifel."
Julian illum jimxi biss bl-għajnuna tal-walker. "L-affarijiet bażiċi li jagħmlu trabi oħra dam biex jagħmilhom u b'diffikultà kbira. Illum il-ġurnata ma jistax jagħmel affarijiet fiżiċi li jsiru bis-saqajn. La jitla' taraġ, la jimxi waħdu u anke biex jagħmel il-bżonnijiet tiegħu, għandu bżonn l-għajnuna. Meta jistaqsini għalfejn juża l-walker, ngħidlu, 'Bħalma ħuk u jiena għandna nuċċali għax ma tantx naraw, inti għandek walker għax ma timxix sew.'"
Hemm mod wieħed biss biex Julian jista' jiġi jimxi. Dan il-mod huwa operazzjoni ġo sptar li jeżisti l-Amerika. Però l-operazzjoni tiswa $50,000 u inti b'donazzjoni, tista' tagħti bidu ġdid lil Julian.

No comments:
Post a Comment