best deal

Friday, 18 May 2018

"Dejjem xtaqt insir qassis u għadni ngħid hekk sal-lum" - Ivan Gaffiero



Ivan Gaffiero jistqarr li kien xeba' jgħix sakemm iltaqa' ma' Alla.


Il-preżentatur u d-direttur ta' kumpanija tal-immudellar, Ivan Gaffiero, jispjega kif minn dejjem kien miġjub lejn il-Knisja. "Minn 6 snin sa 15-il sena kont abbati l-Knisja tal-Gżira. Barra minn hekk id-dar qatt ma naf li kont nilgħab b'xi karozzi jew xi logħob ieħor. Però kelli knisja u dejjem kont nagħmel quddies kuljum. Dejjem kont dak il-persuna li kont inħobb ħafna l-affarijiet tal-Knisja."

Din l-imħabba lejn il-Knisja twasslu għal xewqa biex isir qassis. "Meta bdejt nikber u ridt nagħżel it-triq tiegħi dejjem xtaqt nidħol qassis. Però minħabba li jien ma tantx kont ta' skola kont qtajt qalbi mill-eżamijiet. Allura minflok għażilt it-triq l-oħra li niżżewweġ u jkolli familja, u mort fix-xena tat-televiżjoni, moda u midja. Però għadni sal-lum ngħid mank mort qassis."

Jispjega li ġew mumenti li fihom ħaseb li Alla mhux jisimgħu. "Kien hemm żmien li qtajt qalbi ħafna. Kont naħseb li Alla mhux qed jismagħni u mhux qed jagħtini għajuna. Dan għextu fil-bidu ta' separazzjoni tiegħi għax kienu ġranet u ġimgħat ta' biża' kbira, tant li ħassejtni waħdi, imkisser u li kont xbajt ngħix f'din il-ħajja. Kien hemm żmien li ridt ingawdi, noħroġ, niddeverti, u nagħmel affarijiet li qatt ma għamilthom. Kont qed nimla lili nnifsi billi mmur f'xi clubs iżda fil-fond ta' qalbi kelli vojt kbir, dwejjaq kbar u ma stajt insib xejn f'qalbi."


Dan il-perjodu baqa' jgħixu sakemm 4 snin ilu ltaqa' ma' Alla. "Darba kelli problema kbira u lill-Mulej għedtlu, 'Itinix iktar milli niflaħ għax is-salib huwa tqil. Se nagħtik idejja u mexxini fit-triq li trid inti." Niftakar imbagħad kont fil-kappella tal-Ibraġġ u kont waħdi. Dak il-ħin ħassejt bħal ferħ fija. Minn hemm bdejt immur il-laqgħat ta' talb li jmexxi Fr Hayden u dak il-vojt ta' ġewwa beda jimtela bil-ferħ."

Minn hemmhekk, ħajtu nbidlet għalkollox. "Sibt ħafna lil Alla. Bdejt immur il-quddies kuljum għax inħoss li meta nibda l-ġurnata b'tqarbina, din tgħinni ħafna. Ma sirt ingorr fuq xejn, dejjem nimxi minuta b'minuta, u kif inkun se naqta' qalbi, ngħidlu, 'Mulej xi trid minni?' u emminni nħoss li huwa jmexxini f'kulma nagħmel."

Ftit xhur ilu, Ivan ħass li jibda jorganizza quddies il-Girgenti. "Il-Girgenti illi mmur minn meta kont għadni ġuvni. Dejjem kelli ġibda kbira lejn dan il-post. Min jaf kemm bkejt waħdi, meta kont fil-problemi, u anke ġieli mort bil-ferħ ukoll għax kont immur nirringrazzja lill-Madonna ta' xi grazzja li nkun qlajt."


U Ivan jitlob permess tal-Arċisqof. "Però dejjem meta mmur dejjem kont qed insibu vojt dan il-post. Imbagħad f'Jannar ta' din is-sena mort għall-kwiet u ħassejt bħal xi ħaġa tgħid biex inġib in-nies hemmhekk. Mhux qed ngħid li rajt lill-Madonna, żgur li le, però ħassejt din ix-xewqa. Kif wasalt id-dar, ktibt fuq Facebook li se nagħmel quddies u t-talb il-Girgenti. Ma kontx naf li ridt permess tal-Arċisqof, u bgħatt imejl. Għaxar minuti bagħatli lura, u qalli bil-qalb kollha u li ma jsib l-ebda problema. Veru fraħt u għamilt l-ewwel waħda fi Frar, fejn inġabru 124 persuna."

Ivan itemm jgħid, "Bla Alla f'ħajtek ma tistax tgħix. M'iniex qaddis, lanqas xejn, però naf żgur li l-paċi li nħoss f'qalbi u b'kelma li ngħid nista' nkun ta għajnuna għal ħaddieħor hija kbira. Inħoss li Ġesù qed jużani ħafna kemm b'dak li nagħmel ma' nies oħra ta' madwari."

Il-laqgħa ta' talb u quddiesa li jmiss se ssir nhar il-Ġimgħa fil-25 ta' Mejju. It-talb jibda fis-6:00pm u jispiċċa b'quddiesa fis-7:00pm. 

No comments:

Post a Comment