
Din l-omm qed tinkwieta fuq binha li għandu d-down's syndrome għax mhux se jkollu fejn imur f'Ġunju li ġej.
Aħna tkellimna ma' din l-omm ta' dan il-ġuvni li bħalissa qed jattendi r-resource center tal-Wardija. Dan il-ġuvni flimkien ma' oħrajn f'Ġunju li ġej se jkollhom jieqfu jattendu din l-iskola għax ikunu għalqu t-22 sena. Possibbiltà kbira li dawn iż-żgħażagħ jispiċċaw mingħajr post fejn iqattgħu l-jum tagħhom u minflok joqogħdu ġranet id-dar.
"L-inkwiet tiegħi huwa li meta jispiċċa minn dan iċ-ċentru, ma għandux fejn imur. Iċ-ċentri l-oħra m'hemmx spazju għal aktar nies, apparti li dawn iċ-ċentri mhumiex addatti għaż-żminijiet tal-lum. Dawn iċ-ċentri fihom issib persuni ta' etajiet differenti. Lanqas nimmaġina li ibni ta' 22 sena, jispiċċa f'ċentru u jkun f'kamra ma' wieħed ta' 80 sena."
Binha jaf jispiċċa joqgħod id-dar għax ma jkollux fejn imur. "Dawn iċ-ċentri jmorru fihom nies b'diżabiltà li ma jistgħux jaħdmu. Jekk dawn huma mimlija, ibni m'għandux fejn imur minn Ġunju li ġej. Se jkollu jispiċċa joqgħod id-dar. Però ibni, bħal tfal oħra, għandu bżonn li jiltaqa', joħroġ u jagħmilha man-nies. Jekk se jibqa' d-dar, mhux se jintegra ma' ħadd."
Din l-omm tgħidilna li t-tifel ifisser kollox għaliha. "Dak iż-żmien, meta qalulna li ibni għandu d-down's syndrome, ħassejt frustrazzjoni kbira. Ħadtha kontra ħafna affarijiet għax kont iddispjaċuta. Però aċċettajtha u nħobbu bla ebda kunidzzjoni. M'hawnx bħalhom, għax iħobbu u la għandhom mibegħda, la għira u lanqas ħażen."
Tqis li binha m'għandux diżabiltà, "Illum għalija t-tifel ma nqisux ġuvni b'diżabiltà. Għalija huwa bniedem normali. Għandu l-limitu tiegħu, u nemmen li wieħed m'għandux jiġġieled għad-drittijiet tagħhom għax għandhom ikollhom drittijiet daqs bniedem ieħor."
Għalhekk tixtieq li sserraħ moħħha li binha jkollu fejn imur. "Nixtieq li nserraħ moħħi, li ibni jkollu fejn imur f'Ġunju li ġej. Li jkun hemm ċentri moderni, fejn in-nies li jieħdu ħsieb ikomplu magħhom, joħorġuhom, u jgħallumhom il-kompjuters, fost affarijiet oħra. Ċentri li huma addatti għaż-żminijiet tal-lum, u li jkunu mqassmin skont l-età tagħhom."
Ritratt: plan.ca
No comments:
Post a Comment