best deal

Thursday, 17 May 2018

"Għad hawn biża' min-nies LGBTIQ" - Colette Farrugia Bennett



Illum huwa l-jum internazzjonali kontra l-omofobija.


Aħna tkellimna ma' Colette Farrugia Bennette, koordinatriċi tal-Malta Gay Rights Movement (MGMR), li tispjegalna kif għad hemm biża' min-nies LGBTIQ+. "Għad hemm biża' min-nies LGBTIQ. Tkun qed taħseb li l-affarijiet tjiebu imma mbagħad meta tara ċerti kummenti onlajn jew tiltaqa' ma' ċerti esperjenzi li jkunu qed jgħaddu minnhom membri tal-komunità, tirrealizza li għad fadal biża', u attitudni negattiva. Però l-inċidenza ta' kemm wieħed ikunu omofobiku saret inqas frekwenti."


Ritratt: Colette Farrugia Bennette
Colette tgħidilna l-ikbar biża' li jħossu persuni LGBTIQ+. "Naħseb ħafna drabi jibżgħu li n-nies ħa jiġġudikawhom. Qishom jibqgħu lura milli jitkellmu dwarhom infushom minħabba li l-biża' li l-familja ħa tiġġudikahom jew mhux ħa tħobbhom iktar. Din il-biża' jesperjenzawha anke magħhom infushom sakemm jaċċettaw lilhom infushom."

Minkejja li għad hawn biża', Colette tistqarr li s-soċjetà u l-liġijiet għamlu differenza. "Kieku jkollok issaqsini x'differenza tara bejn 10 snin ilu u llum, ngħidilek li l-liġijiet mhumiex kollox. Inħoss li s-soċjetà bdiet tinbidel qabel ma daħlu l-liġijiet. Però l-liġijiet tawna xi ħaġa li s-soċjetà kienet għadha ma tathiex għax ma tistax tagħtiha b'mod kompletament.


Il-liġijiet lis-soċjetà tatha r-rikonoxximent, is-sapport u l-validità lill-komunità kollha. Li persuni LGBTIQ jistgħu jgħidu li huma validi, li għandhom posthom fis-soċjetà, li għandhom drittijiet bħal ħaddieħor u li jistgħu jkunu huma, u dik għamlet id-differenza kollha."


Għaldaqstant l-MGRM toffri s-servizz ta' social work permezz tar-rainbow support service, biex tagħti s-sapport lill-membri tal-komunità, kif ukoll il-familji tagħhom. Agħmel kuntatt mal-MGRM billi ċċempel 79430006 jew permezz ta' Facebook.

Ritratt tal-faċċata: Andrew Borg Carbott

No comments:

Post a Comment