
Id-Deputat Laburista Dr. Edward Zammit Lewis isostni li t-tkabbir ekonomiku wassal għal-prezzijiet għolja fil-kirjiet tal-propjeta'.
Aħna tkellimna dwar dan is-suġġett ma' Dr. Zammit Lewis dwar is-sitwazzjoni tal-ekonomija f'pajjiżna, u x'effett qed tħalli. "Is-sitwazzjoni hija sempliċi. Il-pajjiż irreġistra tkabbir ekonomiku bla preċedent. Għandek ħafna nies li qed jiġu jaħdmu hawn Malta, nies li qed jaħdmu fis-settur tal-avjazzjoni, tas-servizz finanzjarji u tar-remote gaming, u għandek nies li qed jagħmlu xogħol bħal dak tal-kostruzzjoni, tat-turiżmu u tal-ospitalità."
Jistqarr li t-tkabbir ekonomiku qed iwassal għal prezzijiet ogħla fil-krijiet. "It-tkabbir ekonomiku qed iwassal biex ikollok prezzijiet ogħla fil-kirjiet. Jekk għandek post bit-3 kmamar tas-sodda, illum qed jinkera €700/800 fix-xahar, u jekk min qed jikri għandu paga minima (€740 fix-xahar) jiġi f'sitwazzjoni fejn ma jkunx jista' jaffordja jikri dan il-post."
Jispjega kif hemm soluzzjonijiet għal min ma jaffordjax jikri. "Il-Gvern qed jintervjeni u se jkompli. Din semmiha l-Prim Ministru stess fid-diskors tiegħu fl-1 ta' Mejju, fejn qal li l-istat irid jidħol iktar għan-nies vulnerabbli, għal dawk il-familji li forsi ma jistgħux għal xi raġuni jkunu sidien ta' darhom jew ma jaffordjawx il-kirjiet. Hemmhekk irid jidħol iktar l-istat u juża tat-taxxi li qed jiġbor u d-dħul li qed jidħol biex jgħin lil dawn il-familji. Fil-fatt, fl-1 ta' Mejju ħabbar proġett ta' 500 housing unit illi ġejjin ukoll mill-fond nazzjonali tal-iżvilupp li ġej mill-individual investor programme."
Jistqarr li għal din is-sitwazzjoni, il-Gvern qed jgħin biex il-familji jsiru sidien ta' darhom. "Il-politika tal-Gvern preżenti qed taħseb iktar għal housing units. Mhux biss b'kiri ta' housing, imma qed jgħinhom flimkien ma' istituzzjonijiet finanzjarji, bħal banek, biex il-familji tagħna jsiru sidien ta' darhom. B'din is-sitwazzjonijiet tal-kirjiet aħna ġejna bażikament vittmi tas-suċċess ekonomiku tagħna stess. Għaldaqstant il-Gvern ħabbar ukoll illi se jkun hemm white paper dwar il-kirjiet residenzjali," itemm jgħidilna Dr Edward Zammit Lewis.
Inti x'taħseb dwar il-kirjiet f'pajjiżna?
Ritratt: Newsbook
No comments:
Post a Comment