Ftit tal-ġimgħat ilu, Matthew ħa l-aħbar li l-papà tiegħu marad bil-kanċer.
Fil-Eurovision, apparti bid-diska ta' Call Tomorrow, lil Matthew bqajna niftakaruh minħabba x-xagħar nokkli tiegħu. Però kien biss ħmistax ilu meta Matthew Anthony iddeċieda li jqaxxar xagħru, meta sar jaf li missieru marad bil-kanċer.
"Ftit ġimgħat ilu ħadna l-aħbar li missieri marad bil-kanċer. Ħmistax ilu xtaqt inqaxxar xagħri bħala sapport lil missieri għax kellu jxaqqar xagħru minħabba l-kimo, biex tkun iktar faċli għalih. U hekk għamilt."

U x'qal missieru malli qallu li se jqaxxar xagħru għalih? "Dak il-ħin veru feraħ. Naħseb kien wieħed minn dawk il-ftit mumenti li rajtu jidħak minn meta ħa l-aħbar. Jaf li xagħri kien ifisser ħafna għalija, u din kienet xi ħaġa kbira għalija."
Jistqarr kif din l-aħbar biddlitlu ħajtu ta' taħt fuq. "F'sekonda ħajti nbiddlet ta' taħt fuq. Dawn l-affarijiet tarahom u tismagħhom jiġru kuljum, u qatt ma tibda taħseb li se jiġru lilek. Ħajti issa qed naraha minn perspettiva differenti. Jien bniedem pożittiv ħafna u f'daqqa waħda sirt napprezza iktar l-affarijiet li qabel ma kontx nagħti kashom, affarijiet li mhumiex materjali. Qed nqatta' kull sekonda man-nies li veru jfissru għalija. Ikolli dawk il-mumenti diffiċli illi rrid nkun ta' sapport għall-familja, li rrid nieħu ħsieb u nagħmel l-affarijiet li qabel kien jagħmel missieri, għax issa ma jista' jagħmel xejn."
Itemm jgħidilna kif l-affarijiet sempliċi jfissru ħafna. "Għal dawk in-nies li jkunu għaddejjin minn esperjenza simili, ngħidilhom li s-sapport pożittiv jgħin ħafna. L-affarijiet sempliċi żgħar ifissru ħafna, u jien nħossni ffortunat li għandi l-għażla li ntawwal in-nokkli, meta nies oħra dik l-opportunità m'għandhomx minħabba xi mard. Għalhekk, għandna napprezzaw l-iċken affarijiet, f'dinja li fiha l-affarijiet materjali qed jiġu l-ewwel u qabel kollox."
No comments:
Post a Comment