Wednesday, 2 May 2018
"Il-kelma 'qaħba' ma ġietx minn ċikku l-poplu imma mill-Oppożizzjoni" - Julia Farrugia Portelli
Il-Partit Demokratiku tella' post li fiha sejjaħ lis-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli "village escort". Din tneħħiet ftit minuti wara.
Aħna tkellimna mad-Deputata Laburista Julia Farrugia Portelli li tistqarr magħna kif din ma ġietx minn kwalunkwè persuna imma ġiet mill-Oppożizzjoni.
"Li tiġi mgħajra qaħba mir-raħal, meta qatt ma pprostituxxejt ruħek, kif tħossok? Din hija l-istess emozzjoni li ħassejt jiena. Li ddejjaqni għax din ma ġietx minn ċikku l-poplu imma ġiet minn fuq Facebook account tal-Oppożizzjoni. Dan mhuwiex individwu kwalunkè. Bażikament dan huwa messaġġ degradanti li qed nibagħtu fis-soċjetà li għax tkun mara fil-politika tiġi mgħajra u mżebblaħ b'dik it-tip ta' tonalità u b'dik it-tip ta' ħdura. Qed nibagħtu messaġġ ħażin ħafna fil-politika għal min qed jaspira li xi darba jew oħra, raġel jew mara, jagħmel dan il-pass biex jagħti servizz lil pajjiż."
Filwaqt li l-Partit Demokratiku talab skuża, ħabbar it-twaqqif ta' kumitat ad hoc immexxi mis-Segretarju Ġenerali fil-Partit Demokratiku biex jeżamina dan il-każ. Dwar dan, is-Segretarju Parlamentari qalet: "Din l-investigazzjoni li qed jgħidu li qed jagħmlu tal-Partit Demokratiku, se jagħmilha Godfrey Farrugia. L-istess bniedem li inqas minn 24 siegħa qabel fil-Parlament għajjarni 'purċinella.'"
Issostni li ma taqbilx ma' dan it-tip ta' lingwaġġ. "Ma nista' qatt naqbel ma' dan id-diskors, kif ma qbiltx miegħu 8 snin ilu. Dak iż-żmien kont l-ewwel editur mara u ġejt mgħajra li jien begħt ġismi biex jiena nilħaq editur. Jiena fil-verità, anke fil-Qorti, irribattejt dan l-argument u rbaħt b'kawża li ftaħt il-Qorti. Jiena bħala editur kont mistiedna biex nagħmel dak ix-xogħol snin qabel u rrifjutajtu għaliex ħassejt li għandi nagħti kontribut bħala ġurnalista f'dak l-istadju."
Tgħidilna li dan il-lingwaġġ mill-Partit Demokratiku ma bediex issa. "Kif ġejt eletta fil-counting hall minn kien hemm maġenbi, bil-ferħ, refagħni għaliex kont l-unika mara li ġejt eletta fil-5 distrett. Għaddiet Marlene Farrugia, li ma indunatx li kellha l-microphone mixgħul u nqabdet tgħajjarni 'ħamalla'. Instemgħet tgħid lil Godfrey, 'Rajtha kemm hi ħamalla?'. Imbagħad qalet ukoll 'Rajtha kienet se tipprova ittina [daqqa]?' Jiena lanqas nemlu ma ngħaffeġ għax ukoll niġbru u nsalvah u nitfgħu lura fil-ħamrija, aħseb u ara kemm ħa nsawwat lil xi ħadd. L-għada xorta ma indunatx forsi li żbaljat, tellgħet Facebook post terġa' tgħajjarni 'ħamalla', u mbagħad forsi biex tiġbor ġieħa marret tgħid li għandu jkolli post fil-Kabinett. L-insulti ma waqfux hemmhekk imma baqgħu għaddejjin."
"Din xi ħaġa li turi li qed neqirdu l-bażi ta' dak li sippost jgħaqqadna fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, fil-Parlament," ittemm tgħid.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment