
Jerome, iż-żagħżugħ li tilef ħajtu bit-tielet kanċer, kieku llum għalaq 20 sena.
Aħna tkellimna ma' ommu Josette li tistqarr kif din il-ġurnata ma ridthiex li tasal. "Kull sena konna nistennew din il-ġurnata. Kont noqgħod inkantalu Happy Birthday u minħabba li kien qed jikber, kien jgħidli, 'Ma jaħasra, jiena m'iniex tal-Happy Birthdays'. Però llum din il-ġurnata hija differenti. Ma ridtx li jasal dan il-jum, imma kellha tasal għax ma stajniex inwaqqfuha."
Tistqarr l-uġigħ li qed tħoss. "Dan il-lejl ma rqadt xejn. Qgħadt nibki u qomt nibki. Iebsa ħafna li sippost qiegħda nifraħ f'għeluq snin it-tifel, u tirrealizza li llum xejn m'inti tiċċelebra. Tibda tiftakar fil-ħin li huwa twieled, fil-11:30pm, u tibda tiftakar fih il-ħin kollu, u dan il-jum qed jitfa' stellat ieħor ġo qalbek."
Josette lbieraħ kitbet ittra indirizzata lill-kanċer. L-ittra tgħid hekk:
Issostni li l-kanċer tqisu persuna u ħasset il-ħtieġa li tikteb ittra. "Meta ktibt l-ittra striħajt u wara bdejt interter. Ridt niżvoga. Il-kanċer bdejt inqisu persuna li ridt nattakkah bil-kliem u striħajt. Ridt nurih l-ewwel nett, il-weġgħat u l-istalletti li tana, li ħadilna dan it-tifel. L-ewwel nett għandi żewġi tfal oħra l-Ġenna minħabba korriment, allura ġa għaddejt xi ftit minn dan l-uġigħ, u iebsa issa l-kanċer ħadli t-tifel wara 20 sena."
Tistqarr li r-rabja tagħha hi lejn il-marda. "Irrabjata għall-marda. Però ma ridtx nibqa' negattiva u ħa nagħmlu minn kollox biex kull min hu għaddej minn din il-marda, aħna ħa nipprovaw nagħmlulu t-triq ftit iktar sabiħa. Mhux se nħallu din il-marda tkisser iktar nies, kif kissret lilna. Mhuwiex Alla li ħadilna t-tifel jew qala' l-isbaħ wara jew rah qed ibati u ħadu. Dik qatt ma konna nemmnuha u mhux se nemmnuha. Anzi Alla qed jgħinna ħafna biex issa waqqafna dik il-fondazzjoni Smiling with Jerome, u qed jagħtina s-sapport u l-kuraġġ ħalli nkomplu nadattaw għall-ħajja ġdida li għandna."

Illum din il-ġurnata l-familja ta' Jerome se jitilgħu sas-Santwarju ta' Pinu, il-post li kien
sinifikat kbira għalihom. "Illum il-ħin kollu naħseb fih. Nibda ngħid li kieku qiegħed magħna, kemm qiegħed jifraħ. Però issa kif jiġi t-tifel mill-iskola se mmorru f'Ta' Pinu, u għandna quddiesa għalih għax dan is-santwarju għandu sinifikat kbir għalina, u għal Jerome. Kien iħoss is-sejħa u matul il-ġurnata kien jgħidilna li l-Madonna tixtieq tkellimni, konna nitilqu kollox u mmorru ta' Pinu. Hemmhekk kien jistrieħ ħafna."
Josette tgħaddi messaġġ lil binha. "Jerome jaf li jiena, missieru u ħuh, konna nħobbuh daqs id-dawl t'għajnejja. Fil-fatt meta kien wasal lejn l-aħħar kien qalilna li mhuwiex jibża' mill-mewt imma l-iktar ħaġa li kienet qed iddejqu, kien li se jħalli lilna warajh. Ngħidlu biex jieħu ħsiebna, sakemm nerġgħu niltaqgħu."

No comments:
Post a Comment