Monday, 14 May 2018
Jaqla' daqqa ta' ponn wara li qabeż għal tifel li kien qed jiġi msawwat minn missieru
Il-preżentatriċi Ramona Attard u s-sieħeb tagħha Andrew qabżu għal tifel li kien qed jiġi msawwat minn missieru fil-karozza.
Aħna tkellimna ma' Ramona li tgħidilna kif rat din ix-xena meta kienet fil-karozza ma' bintha. "Ilbieraħ morna nieħdu ġelat minn Baħar iċ-Ċagħaq u bqajt fil-karozza għax kelli lit-tifla rieqda. F'daqqa waħda ffriżajt għax rajt raġel ikaxkar lit-tifel tiegħu, li forsi kellu 5 jew 6 snin, u jidgħi miegħu, sakemm imbagħad refgħu għal ġol karozza u qabad jagħtih fil-karozza."
Ramona tinżel biex tintervjeni. "Dak il-ħin kien hemm Andrew ħdejja u saqsieni xi ġrali għax rani bajda. Ħares hu u ra dik ix-xena. Dak il-ħin qbadt, inżilt mill-karozza, mort fuqu, ħabbatlu mat-tieqa u għedtlu, 'Inti bis-serjetà qed tagħmel hekk lit-tifel? Imissek tistħi.' Kien l-istint tiegħi li wassalni biex nagħmel hekk għax lanqas ħsibt qabel."
Tinqala' kommozzjoni. "Rajt mara ġejja u saqsejtha, 'Dan it-tifel tiegħek? Taf li qed isawtu?' Dak il-ħin qaltli biex ma nindaħalx u biex nieħu ħsieb tiegħi. Weġbitha, 'Intom bis-serjetà? Mela għax tagħkom, tistgħu ssawtuh?'
Wara jintervjeni Andrew li beda jaqbeż għat-tifel ukoll, sakemm jaqla' daqqa ta' ponn minn raġel. "Missier t-tifel niżel għal Andrew u beda jersaq viċin ta' wiċċu biex jipprova jistieden għall-ġlied. Aħna bqajna kalmi. Però mbagħad ġie raġel anzjan ieħor li naħseb kien jiġi minnhom, flimkien ma' tfajla oħra, u pprova jressaq lura lil missier minn ħdejn Andrew. Imbagħad f'daqqa waħda, it-tfajla wkoll bdiet tgħid biex ma nindaħlux. Bdejna ngħidulha, 'Eħe nindaħlu, mela lit-tfal tagħmilhom hekk? L-ewwel ħaġa qegħdin f'post pubbliku u lanqas li kieku, ma tistax issawwat lit-tfal.' U f'daqqa u l-ħin, l-anzjan qabad u ta daqqa ta' ponn lil Andrew."
Din is-sitwazzjoni esklat, u Ramona filwaqt li tispjegalna kif il-familja telqet, tistqarr li l-unika dispjaċir li għandha hi li ma laħqitx ħadet in-number plate biex tirrapporta minħabba li l-affarijiet ġraw malajr. "Xħin rawha li qed teskala, telqu 'l hemm. Andrew dalgħodu qam b'għonqu mtarrax. Però l-iktar ħaġa li jiena xxokkjajta biha hi li Baħar iċ-Ċagħaq kien ippakkjat nies u ħadd ma intervjena. Nixtieq li titqajjem kuxjenza għax dawn l-affarijiet m'għandhomx ikunu aċċettabbli. Nifhem li forsi taqbiżlek u li tgħajjat ftit mat-tfal imma mhux li ssawwat lit-tifel, wara li tkun kaxkartu u tkellimt ħażin mat-tifel fil-karozza. Jekk ma jintervjenix, tal-inqas irrapporta."
Ċempel lill-Aġenzja Apoġġ fuq 179 biex tirrapporta abbuż fuq tfal.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment