
Bjorn jgħidilna kif meta tkun kważi tlift kollox, tibda tapprezza l-iżgħar affarijiet.
Illum Bjorn kellu l-opportunità li jirkeb fuq seat ta' quddiem ta' karozza għal intervista li Mark għamel miegħu. Ftit minuti wara l-intervista, Bjorn tella' post fuq Facebook li fiha spjega kif meta persuna tkun kawżi tilfet kollox, tibda tapprezza l-iżgħar affarijiet. Bjorn kien ilu sentejn ma jirkeb fuq is-seat ta' quddiem ta' karozza sentejn, u llum seta' jesperjenzaha mill-ġdid.
Aħna tkellimna ma' Bjorn li jgħidilna kif fis-sitwazzjoni li qiegħed, qed japprezza l-iżgħar affarijiet. "Issa anke li mmexxi s-siġġu tar-roti waħdi saret problema għax idejja telqu wkoll. Allura meta tesperjenza dawn l-affarijiet sempliċi, li tkun ilek ma tagħmilhom, tħoss emozzjoni kbira wisq. Illum fuq is-seat ta' quddiem, ħassejtni qisni qiegħed il-Ġenna. Esperjenza sabiħa li rajt it-triq quddiem għax fuq vann, fuq wara, ma tara xejn, apparti l-battikata kbira biex itellgħuni fuqu."
Jgħidilna x'inhi l-iktar ħaġa sempliċi li jixtieq li kieku jista' jwettaqha. "Il-ħolma tiegħi hija li nkun bilwieqfa u ngħannaq lil Maria. Illum tal-inqas saret din tal-karozza, imma l-ħolma tiegħi li ngħannaq lil Marija ma nafx kemm tista' ssir. Inkun nixtieq li ningħata brejk minn din is-sitwazzjoni, u mmur mixja imqar għal 2 minuti, f'xi post, inħoss dik l-ajra, u mbagħad impoġġi lura fuq is-siġġu tar-roti. Dawn l-affarijiet nimmissjahom. Minkejja li ħafna drabi ninsa kollox warajja, kultant ikolli nostalġija tal-ħajja li kelli qabel."
Però Bjorn xorta jibqa' pożittiv. "Ma noqgħodx naħseb kull ħin u kull mument fuq l-affarijiet li ma nistax nagħmel. Naħseb f'dawk l-affarijiet li nista' nagħmel, u nipprova nadatta għas-sitwazzjoni biex inkun nista' nagħmel l-affarijiet li ma nistax nagħmel bil-kumdità kollha. Il-ħajja sabiħa u fiha tipprova tara l-pożittiv tagħhom u timxi 'l quddiem," itemm jgħidilna Bjorn.
Segwi l-intervista li Mark għamel ma' Bjorn fil-karozza, għada f'Xarabank!
No comments:
Post a Comment