best deal

Friday, 25 May 2018

"Beżqilhom u heddidhom li joqtolhom" - Sandro Camilleri



Dan ġara ġimgħa biss wara li membru tal-pulizija għadu qed jissielet għal ħajtu.


Ilbieraħ uffiċjali tal-Pulizija ġew attakkati minn ġuvni fl-għassa ta' Bormla. Dwar dan il-każ aħna tkellima mal-President tal-Police Officers' Union, l-Ispettur Sandro Camilleri, li rrakkontalna fid-dettall x'ġara.

"Kien hemm ġuvni li kien qed isuq bla seat belt u b'mod eċċessiv. Żewġ uffiċjali ta' Transport Malta, ipprovaw iwaqqfuh. Però l-ġuvni ma waqafx, offendihom u huma ħadu n-number plate, u marru jagħmlu rapport ġol-għassa."

"Il-Pulizija bagħtu għalih u l-ġuvni mar l-għassa. Fil-mument li s-Surġenta tagħtu l-caution fejn qaltlu li għandu dritt li ma weġibx għad-domandi li ħa jsirulek u li għandu dritt għal avukat, iż-żagħżugħ irvilla, qabad joffendihom u beda jipprova jfajjar bil-ponn, u anke besqilhom. Minn hawn ikkontrollawh il-Pulizija. Però eventwalment niżel xi qarib tiegħu, qaluli li missieru, li għamel fatterija sħiħa, li kellhom jintervjenu membri minn tal-RIU. Wara l-ġuvni ġie arrestat, tressaq il-Qorti u ma ngħatax il-libertà proviżorja."

L-Ispettur Sandro Camilleri jfakkar kif ġimgħa wara l-każ tal-pulizija Simon Schembri, dan il-pulizija għadu jissielet għal ħajtu. "Dan ġara ġimgħa biss wara li membru minn tagħna għadu qed jissielet sa din il-minuta għal ħajtu. Għalkemm jidher li għall-kura li qed jingħata qed jirrispondi tajjeb, għadu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Għaldaqstant nirringrazzja lill-qrati u lill-ġudikatura li qed tifhem l-esiġenza illi żżomm il-polz sod."

Itemm billi jsostni l-ħtieġa li l-pulizija ma jistgħux jibqgħu jiġu attakkati. "Bilfors irridu nżommu l-kolp f'dawn l-affarijiet għax ma nistgħu nibqgħu niġu attakkati kontinwament. Grazzi lill-membri tagħna li rnexxielhom jikkontrollaw lill-ġuvni mingħajr ma weġġa' ħadd. Qed naħdmu b'mod professjonali ħafna. Għalhekk qed nagħfsu biex ikun hemm il-body cams biex ikollna prova ta' dan kollu. Grazzi lill-poplu Malti li qed juri ħafna s-solidarjetà tiegħu magħna, u din qed inħossuha, anke wara l-mixja li kien hemm is-Sibt li għadda, it-talb ma naqas qatt."

No comments:

Post a Comment