best deal

Tuesday, 22 May 2018

Qegħdin Brussell fejn hawn il-fundatur ta' Facebook iwieġeb dwar is-serq ta' informazzjoni minn fuq Facebook


Il-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, stieden lill-fundatur ta' Facebook, Mark Zuckerberg biex iwieġeb il-mistoqsijiet tal-mexxejja Ewropej fi Brussell illum (it-Tlieta). Dan wara li ftit ġimgħat ilu feġġ l-iskandlu ta' Cambridge Analytica, li żvela li miljuni ta' nies madwar id-dinja tteħditilhom l-informazzjoni minn fuq il-Facebook tagħhom u ġiet użata bla permess biex tinfluwenza lin-nies u tbiddel l-opinjoni pubblika. Huwa stmat li madwar 6,000 Malti u Maltija sfaw vittma ta' dan is-serq ta' informazzjoni.

Aktar kmieni f'April, Zuckerberg deher quddiem is-senat Amerikan biex iwieġeb għal dan l-iskandlu. U llum qiegħed il-Parlament Ewropew, għaliex fil-jiem li ġejjin l-Ewropa se tintroduċi liġi ġdida bl-għan li tipproteġi l-informazzjoni tan-nies fuq l-internet. Il-biljunarju fundatur ta' Facebook, li għandu 34 sena, wasal il-Parlament Ewropew għall-ħabta tas-6pm.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Mark Zuckerberg qal li fl-Ewropa, il-Facebook iffaċilita l-ħajja ta' miljuni ta' nies. Qal li l-Facebook mhux biss ġabar komunità ta' nies li jikkomunikaw flimkien, imma kien ukoll strumentali f'attakki terroristiċi biex in-nies jinfurmaw lill-familjari tagħhom li huma sikuri u għen biex iwassal il-vuċi ta' ħafna nies li ma kellhomx mezz biex jesprimu ruħhom. Imma ammetta wkoll li l-Facebook għamel l-iżbalji, u ta' dan jiddispjaċih. U skuża ruħu.


Għaldaqstant qal li Facebook qed jieħu miżuri ġodda u drastiċi biex jiżgura li l-informazzjoni li n-nies jitfgħu fuq Facebook u fuq l-apps li juża l-Facebook (bħal Instagram u Whatsapp), tibqa' privata u ma tasalx għand nies jew organizzazzjonijiet li jistgħu jużawha ħażin u bla permess.

"Is-sigurtà tan-nies dejjem hija aktar importanti mill-profitt li nagħmlu aħna" - Mark Zuckerberg (22 ta' Mejju 2018)

Zuckerberg tkellem ukoll dwar il-problema tal-Fake News. Qal li fuq l-internet hemm eluf ta' nies li xogħlhom huwa li jxerrdu aħbarijiet vvintati, sempliċiment biex iħawdu l-imħuħ tan-nies u biex ibiddlu l-opinjoni pubblika. Zuckerberg ammetta li qatt ma jista' jkollok garanzija li teqred kull sors ta' fake news u qatt ma tista' tiżgura sigurtà totali fuq l-internet. Imma qal li l-Facebook kontinwament jiċċekkja l-movimenti tan-nies u kontinwament iħassar u jiblokka profili foloz li jxerrdu ħafna informazzjoni vvintata.

Finalment, Zuckerberg qal: "Jien determinat li nibqa' naħdem biex nikkrea modi ta' kif in-nies minn madwar id-dinja kollha jersqu lejn xuxlin u jikkomunikaw b'mod effettiv, u nwiegħed li se nagħmel minn kollox biex l-informazzjoni tan-nies tista' tiġi protetta."

Ritratt: Bloomberg (Andrew Harrer)

No comments:

Post a Comment