best deal

Friday, 4 May 2018

"Spiċċajna bla flus u għandna mat-80 kelb x'nitimgħu"



L-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati għandhom bżonn l-għajnuna tiegħek.


Din l-assoċjazzjoni ħadet santwarju ġdid, però bl-ispejjeż tal-post spiċċaw bla flus. Aħna tkellimna mal-maniġer tas-santwarju u membru tal-kumitat tal-AAA, Rosalind Agius. Tgħidilna kif bħala assoċjazzjoni ma għandhomx iktar riżorsi. 

"Ħadna l-użu tas-santwarju li jinsab f'Birżebbuġa mingħand il-Gvern u bħalissa qegħdin bil-kera. Dan il-post qabel kien stazzjon tar-radju, u qed neqilbuh għal santwarju, u hemm ħafna spejjeż. Ġibna l-permessi tal-MEPA biex isir dan il-proċess, u ilna nagħmlu xogħol fih imma issa ħriġna nitolbu l-għajnuna tal-pubbliku. M'għandniex iktar riżorsi min-naħa tas-santwarju u biex inkomplu, trid tkun l-għajnuna tal-pubbliku jew tal-kumpaniji privati billi jissponsorjawna."

Sadanittant, l-AAA trid tieħu ħsieb mat-80 kelb. "Spiċċajna mingħajr flus għax apparti li qed nirranġaw dan il-post, aħna xorta rridu naħsbu għal 80 kelb. Għandna 80 kelb imma n-numru dejjem jinbidel għax il-klieb tat-toroq dejjem deħlin. Ġeneralment ma jkunux f'qagħda tajba; ma jkunux imsewwija, ikunu morda, imweġġgħin, ikunu sofrew xi daqqiet ta' karozzi u għalhekk jirrikjedu ħafna spejjez."

Jitolbu l-għajnuna tan-nies u tal-kumpaniji. "Nixtiequ l-pubbliku jagħti donazzjoni permezz ta' messaġġ imma nixtiequ l-għajnuna wkoll tal-kumpaniji għax meta għandek dan l-ammont ta' annimali u spejjeż, diffiċli ħafna. Barra, mal-AAA, ħa jkun hemm lista ta' min ikun tana donazzjoni ta' €1,000 u dan ir-reklam idum mill-inqas 5 snin."

Ċempel fuq wieħed minn dawn in-numri li jidhru hawn taħt u ħajjar lil ħaddieħor jagħmel bħalek billi tixxerja dan l-artiklu ma' sħabek.

No comments:

Post a Comment