best deal

Thursday, 10 May 2018

"Ta' 18 tatni stroke u għadni sa issa nbati l-konsegwenzi" - Dennis



Dennis illum għandu 24 sena u jirrakkontalna dak li għadda minnu 5 snin ilu.


It-18 ta' Ġunju, 2013. Din kellha tkun ġurnata li fiha ħa jiċċelebra l-birthday ta' sieħbu. Minn ġurnata fejn il-baħar, jispiċċa jittieħed l-isptar u jagħmel ġimgħat sħaħ f'koma. "Niftakar li kien it-Tnejn. Kienet ġurnata mill-isbaħ. 6 xhur qabel kont għadni kemm inġib il-liċenzja tal-karozza, u minħabba li sieħbi kellu l-birthday, iddeċidejna li mmorru sal-Għajn Tuffieħa. Soqt mill-Imġarr s'hemmhekk, normali, ipparkjajt u nżilt it-taraġ."

Wieħed minn sħabu, jinżel jgħum u wara ftit jinżel Dennis u jibda' jogħdos."Niftakar li sieħbi qalli biex ninżel ngħum. Qbadt il-goggles u nżilt ftit fil-fond. Filli qed nara l-ħut, u filli bdejt inħoss rasi tuġġagħni. Ħassejt kollox idur bija. Tani ħass ħażin. Ġarrewni n-nies mill-bajja għax-xatt, sħabi ċemplu għall-ambulanza u spiċċajt Mater Dei, fil-periklu li nitlef ħajti."

Dennis jagħmel 3 ġimgħat l-ITU f'koma. "It-tabib qal lil missieri u lil ommi li ma kienx hemm tama. Għamilt 3 ġimgħat f'koma. Niftakar li meta qomt mill-koma ħadt xokk kbir u dak il-ħin xtaqt li naħrab mill-isptar. Minn dakinhar ħajti nbidlet ta' taħt fuq. Kont nuża siġġu tar-roti għaliex ma stajtx niċċaqlaq.  Bl-istroke tlift l-abbiltà li nitkellem u li niċċaqlaq. Kont naf li jeżisti l-kliem imma ma stajtx niftakar kif ngħidu, allura ma stajtx nitkellem. Kelli nitgħallem kollox mill-ġdid bħal tarbija. Għamilt xahrejn Karen Grech nieħu t-terapija."



Dennis, sal-lum il-ġurnata Dennis għadu jsibha diffiċli biex jċaqlaq il-parti leminija ta' ġismu, u għadu ma jistax jaċċetta dak li ġralu. "Staqsejt u għadni nistaqsi kif u għala ġrali hekk. Kelli xewqa kbira li naħdem bħala panel beater, u ma nistax naċċetta li ma nistax nagħmel dan ix-xogħol. Issa qed ngħix ħajti, sekonda b'sekonda, u ġurnata b'ġurnata miexi 'l quddiem. Ma rrid lil ħadd jgħidli miskin għax nipprova ngħix il-ħajja b'mod normali, u b'mod indipendenti."



Meta kont qed nitkellem ma' Dennis, ma stajtx ma ninnutax it-tattoo ta' siequ, u jispjegahieli. "L-iskull tirrappreżenta l-bniedem li kont li llum huwa mejjet. It-tarbija tissimbolizza l-bniedem il-ġdid, Dennis il-ġdid, li twieled fi bniedem ieħor, differenti mill-bniedem li kien qabel. Il-foresta turi li m'għandix direzzjoni u ma nafx fejn jien sejjer, però hemm stilla li tirrappreżenta lil nannti li jiġri x'jiġri dejjem miegħi."



Illum Dennis qed jistudja fuq l-immaniġjar tal-ħut, iqatta' s-sigħat il-garaxx u jistad; passatemp li jħobb ħafna u jitkellem fuqu b'passjoni. Minkejja dan, Dennis għandu 2 xewqat. "Nixtieq li nikseb saħħti mill-ġdid u niġi 100% tajjeb, bħalma kont qabel. Barra minn hekk nixtieq li nsib xogħol marbut ma' dak li qed nistudja, jiġifieri xogħol marbut mal-ħut, għax dak jagħtini sodisfazzjoni kbir." 

No comments:

Post a Comment