
L-attur Charles Thake miet is-Sibt li għadda fl-età ta' 90 sena.
Aħna tkellimna ma' ibnu, David Thake, li jgħidilna kif ħa l-aħbar li miet missieru eżatt kif kien ħa jaqbad ajruplan. "Kont qiegħed fl-ajruport ta' Chicago biex naqbad titjira lejn Franza biex niġi lura lejn Malta. Kienu qaluli li l-papà kien ħassu ftit ħażin filgħodu, però mbagħad kien qaleb għall-aħjar. Kont għedt lil ħuti li malli nasal Malta mmur narah għax moħħi kien mistrieħ li kien qaleb għall-aħjar. Però f'ħin minnhom irċevejt telefonata mingħand ħija illi qalli li kien għadu kemm miet il-papà."
Charles miet mewta trankwilla. "Minn dak li sirt naf mingħand ħuti, il-papà miet mewta trankwilla. Kien iħobb jilgħab b'rubik's cube u talab lill-infermiera biex tagħtihielu. Kien qed jilgħab biha, u talab għal tazza ilma, u sakemm ħarġet u reġgħet lura, miet. Hija sensazzjoni tal-biża' li titlef lil missierek meta inti tkun 'il bogħod minnu."

Jistqarr li missieru kien kapaċi jirrealta ma' kulħadd. "Il-papà kien uniku. Fir-realtà kulħadd huwa uniku imma kien persuna li fid-dar konna naraw bniedem differenti minn kif kienu jarawh in-nies. Filwaqt li kien wiċċ pubbliku u kellu impenn lejn dik il-parti tal-ħajja professjonali tiegħu, id-dar konna naraw missier normali. Kien isus warajna fil-homeworks u jara li ħadd ma jtawwal ilsienu. Fi tfuliti qattajt ħafna żmien mal-papà u kont immur miegħu fil-postijiet kollha fejn kien jagħmel xi play jew show. Allura meta kont immur miegħu, kont narah bħala bniedem li kien kapaċi jirrealta ma' kulħadd. Mill-iktar persuna intelliġenti għall-iktar persuna fqir. Kien jirrealta u jitkellem bil-lingwa ta' kulħadd."
![]() |
Ritratt: Ġorġ Mallia |
Charles jibqa' mfakkar għal partijiet komiċi tiegħu fit-teatru u fit-televiżjoni. L-aħħar tislima se tingħata nhar l-Erbgħa li ġej, fis-Santwarju tal-Ħniena Divina, San Pawl tat-Tarġa, fis-14:00pm.
No comments:
Post a Comment