
Colin Muscat tilef ħajtu wara li splodiet il-kamra tan-nar tal-Għaqda Piroteknika 11 ta' Frar ta' San Ġwann, is-Sibt li għadda.
Il-mewt ta' Colin Muscat ħasdet lil ħafna, fosthom lid-dilettanti tan-nar u tal-festi, iżda ħasdet ukoll lin-neputi tiegħu, Lawrence Gauci.
F'post fuq Facebook huwa kiteb dan il-kliem, "Mur zi strieħ. Bħalissa kellna xi differenza għal xulxin imma inti demmi. Inti kont il-persuna li ħeġġiġtni għan-nar. Ħdimt ħafna ħin miegħek. Iġġilidna u fraħna flimkien. Inti ħa tkun fejn Santa Marija zi. Sakemm nerġgħu niltaqgħu. Itlob għalina zi."
Aħna tkellimna mal-President tal-Police Officers' Union, l-Ispettur Sandro Camilleri, li kien jgħallem lil Colin il-liġi tal-piroteknika.
"Jiena sa ftit tas-snin ilu kont ngħallem il-liġi tan-nar tal-piroteknika. Colin kien wieħed mill-istudenti stess li eventwalment ingħata l-liċenzja tan-nar. Kont nafu u kont ngħallmu. Kien bniedem tal-affari tiegħu, serju u ħabbrieki ħafna, ma jiqafx, u dejjem għaddej. Ġieli kien iċempilli għal xi parir legali u fuq xi permessi, jiġifieri ma kienx jaqbad u jgħaġġel imma qabel ma kien japplika għall-permessi kien iċempilli."

Fi stqarrija, l-Għaqda Piroteknika 11 ta' Frar, San Ġwann, filwaqt li stqarret it-telfa ta' Colin Muscat, kitbet ukoll li l-vittma l-oħra, Clint Grima, għadu jinsab rikoverat l-isptar għall-ġrieħi li ġarrab.
L-għaqda wkoll irringrazzjat lil kull min offra kull tip ta' għajnuna jew wera solidarjetà mal-Għaqda, u rringrazzjat lil diversi għaqdiet.
No comments:
Post a Comment