best deal

Monday, 4 June 2018

B'2 kanċers fuq Doris, allaħares ma kienx hemm id-Dar tal-Providenza


Din Doris, u għaliha u għal żewġha, binhom Matthew jfisser kollox.



Doris jaqbadha kanċer u kif jgħaddi, jaqbadha kanċer ieħor. "Fl-aħħar bilfors kellna nirrikorru għad-Dar tal-Providenza. Qatt ma ħallejnieh, qatt ma riedet tħallih imkien. Dejjem magħna," jgħidilna missieru. "Kultant hekk ngħid li l-providenza qiegħda miegħi għaliex ġie qisu kollox f'postu," tistqarr magħna ommu.

B'żewġ kanċers fuq Doris, allaħares ma kinitx id-Dar tal-Providenza. "Allaħares ma kinitx hi, id-Dar tal-Providenza. Ma nafx x'konna nagħmlu mingħajrha," jgħidilna missieru. Ma' dan, ommu żżid tgħid, "Inħobbhom bi mħabba tal-ġenn u ma nafx x'nagħmel mingħajrhom."


Meta jwasslu d-Dar tal-Providenza, missier Matthew jimmissjah ħafna. "Noħroġ nibki. Inkun waħdi. Ma' Matthew hemm tifel li sal-lum jiddispjaċini għax ħadd ma jmur jarah. Kemm ilu hemm ħadd ma mar jarah. Kif jara lili sejjer, jiġi jifraħ bija jarani sejjer minn ġol-gallerija jew mit-tieqa, jew inkella jara lil Matthew sejjer u jiġi biex jgħannqu. Allaħares ma tkunx id-Dar tal-Providenza għax ma jonqsu xejn."


Doris isserraħ rasha li hemm id-Dar tal-Providenza. "Inserraħ rasi hekk. Jiena nixtieq li l-Mulej jieħdu qabli ħalli ma nħallihx warajja. Matthew qiegħed wisq ma' qalbna." Darba Matthew, sejħilha mamà. "Darba meta konna Lourdes qalli, 'Ma', u ma reġax qalha. Anke meta għamel l-ewwel żewġ passi, hemmhekk konna. Kont ma' oħti Lourdes u waqqafnieh mal-grada biex noħdulu ritratt, u beda ġej lejna t-tifel. Dawn ma ninsiehom qatt."

"Jalla l-Bambin iżomm idejh fuq Fr Martin u jgħinuh kemm jista' għat-tfal tagħna. Matthew qiegħed wisq ma' qalbna. Taf li għandu bżonnok u taf li għandu bżonn l-għajnuna."

Nhar il-Ġimgħa, Xarabank se jtella' programm b'risq id-Dar tal-Providenza.

No comments:

Post a Comment