best deal

Wednesday, 27 June 2018

BIL-FILMAT: Araw x'qed jagħmlu dawn l-għalliema Maltin issa li se jispiċċaw skola


L-għalliema tal-Kulleġġ Santa Klara, Skola Sekondarja, ta' Pembroke, jagħmlu filmat għall-aħħar jum tal-iskola.


Din is-sena l-għalliema ta' dan il-kulleġġ reġgħu għamluha! Wara li l-filmat tas-sena l-oħra kien dar id-dinja, din is-sena l-għalliema ħasbu li jagħmlu ieħor, b'affarijiet li għamlu hit din is-sena skolastika, fosthom il-bandanas u s-slime.

Dwar dan il-filmat tkellimna mal-għalliem tal-Ingliż u kantant ta' Avenue Sky, Andy Muscat. Jispjegalna kif reġgħet ġiethom din l-idea. "Is-sena l-oħra konna ħloqna filmat ċkejken li kien għamel hit kbira, kemm f'Malta kif ukoll fuq siti barranin. Kienet ix-xewqa tiegħi li din is-sena nerġgħu nagħmlu xi ħaġa simili, iżda tant kellna xogħol u ġenn li onestament konna qtajna qalbna. Meta għaddiet sena minn meta tfajna l-filmat tas-sena l-oħra, reġa' beda jinxtered il-filmat fuq Facebook u ħafna nies bdejt jibagħtulna biex jaraw jekk se nagħmlu xi ħaġa oħra din is-sena. Meta bdejt nara li l-kollegi tiegħi kienu entużasti, ċedejt, u f'jumejn irnexxielna noħolqu l-filmat ta' din is-sena."


U joħolqu filmat li fih jistgħu jirrelataw miegħu l-istudenti tal-iskola. "Din is-sena xtaqna noħolqu filmat iktar modern, li l-istudenti tagħna żgur se jirrelataw miegħu b'xi mod. Forsi mal-ewwel darba li tarah, ma tantx tinduna, imma fih ħafna elementi li kienu sinonimi ħafna ma' din is-sena skolastika, fosthom il-bandanasRubik's cubeslime, iż-żfin mil-logħba Forntnite, kif ukoll il-basketball li għalkemm ħafna minna m'aħniex għalliema tal-PE, kien sport li b'mod regolari konna nilagħbu mal-istudenti tagħna biex inħeġġuhom jgħixu ħajja aktar attiva."



Jgħidilna li għamluh biex jingħaqdu iktar u biex iferrħu l-istudenti tagħhom. "Bħala għalliema, ngħaddu minn ħafna mumenti ta' dubju fuq jekk għandniex inkomplu fil-karriera tagħna jew le. Min ma jkunx fiha, qatt ma' jista' jifhem kemm hu xogħol diffiċli, mhux biss minħabba l-imġiba tal-istudenti u l-ammont ta' xogħol innifsu, iżda minħabba l-fatt li dejjem qiegħed taħt l-iskrutinju tal-pubbliku, li dejjem ikollu opinjoni. Huma l-kollegi li verament jifhmuk u li jsiru t-tieni familja tiegħek." 

Jgħidilna li bħala edukatur jemmen li bħala edukaturi jiltaqgħu ma' ħafna problemi. "Bħala edukatur, nemmen li minn l-ebda xogħol ieħor ma nista' nieħu l-istess tip ta' sodisfazzjoni, bħal meta tara student jirnexxi. Però ċert li ma tantx hemm xogħlijiet oħra li tant huma disrispettati, kemm minn nies li qegħdin jibbenifikaw mis-servizz huma stess (l-istudenti), is-soċjetà kollha kemm hi, u anke dawk l-awtoritajiet li flok jgħinuna, ikomplu joħolqu problemi ġodda biex jgħattu problemi antiki."

"Xi ħaġa li kienet fil-midja, mhux biss lokali iżda anke internazzjonali, hija n-nuqqas kbir li hawn t'għalliema. Hemm ħafna raġunijiet għal dan in-nuqqas, però l-mod ta' kif qegħdin nipprovaw insolvu din il-problema, hija waħda li aktar qiegħda tbiegħed lin-nies minn din il-karriera. Minflok naraw kif se nħajru żgħażagħ jagħżlu l-kors fl-Università, qegħdin ngħaffġu l-għalliema li diġà għandna, bi klassijiet mimlijin sakemm legalment possibbli u bl-akbar ammont ta' lezzjonijiet li jistgħu jagħtu bil-liġi, b'hekk ikun hemm għalliema li saħansitra m'hemmx iktar bżonnhom fl-iskejjel u tinħoloq l-illużjoni li l-problema ġiet solvuta. Fil-verità, tkun qiegħed tisraq mill-potenzjal ta' dawk l-għalliema li jixtiequ li għandhom il-ħin li jgħinnu lit-tfal f'affarijiet li mhumiex akkademiċi, bħal fl-isport, teatru, mużika, ambjent, u elf ħaġa oħra li diffiċli jibqgħu jsiru, jekk ħin u enerġija ma jkunx fadal."

"L-iskop ewlieni tal-filmat minn dejjem kien li ningħaqdu aktar bħala tim, nieħdu pjaċir flimkien u nferrħu lill-istudenti tagħna. Però dejjem xtaqna li nwasslu messaġġ li, ilkoll kemm aħna, nemmnu ħafna fih."

No comments:

Post a Comment