best deal

Wednesday, 6 June 2018

BIL-FILMAT: Din qed tiġri bħalissa f'Malta


Bħalissa l-Musulmani għaddejjin bir-Ramadan u aħna morna naraw x'jiġri ma' nżul ix-xemx fil-Moskea.
Malli dħalna fil-Moskea rajna grupp ta' voluntiera jippreparaw l-ikel għal filgħaxija. Kienu ilhom sajmin minn qabel ma telgħet ix-xemx. 

Imma għala qed isumu l-Musulmani f'dan ix-xahar? Aħna tkellimna dwar ir-Ramadan mal-Imam ta' Malta, Mohammed Elsadi. 

"Dan huwa xahar li fih l-Musulmani jsumu minn qabel ma titla' x-xemx sa meta tinżel. Għal ġurnata sħiħa, matul dan ix-xahar, il-Musulmani ma jiklux, ma jixorbux u ma jpejpux. Dan biex bniedem iħoss it-tbatija tal-fqar. Is-sawm jgħinhom wkoll iħossu l-preżenza ta' Alla f'ħajjithom, billi jimxu skont ir-rieda u t-tagħlim ta' Alla."



Però dan huwa xahar ukoll tal-Koran u tat-talb. "Ix-xahar tar-Ramadan huwa x-xahar tal-Koran. F'dan ix-xahar nirringrazzjaw lil Alla għall-grazzji u l-barkiet kollha li tana, speċjalment tar-rivelazzjoni tal-ktieb imqaddes tal-Koran u tal-aħħar rivelazzjoni minn Alla lill-bniedem. Huwa xahar li fih il-Musulmani jżidu t-talb. Mat-talb regolari ta' 5 darbiet kuljum, jintalab iktar talab matul il-lejl fejn diversi Musulmani jinġabru fil-Moskea u anke barra biex jitolbu."


Dan huwa xahar ukoll ta' maħfra għall-Musulmani. "Il-profeta, sliem għalih, ħabbar li min isum, jemmen f'Alla u jistenna l-premju mingħand Alla għas-sawm u għas-sagrifiċċju li għamel, Alla jaħfirlu d-dnubiet tal-passat kollha. Il-bniedem illi jsum għandu 2 okkażjonijiet ta' ferħ; meta tispiċċa s-sawma u jibda jiekol l-ikel wara li tinżel ix-xemx, u meta jilqgħu l-Mulej f'jum il-qawmien bil-maħfra tad-dnubiet."

F'dan ix-xahar tispikka iktar il-karità, u dan stajna narawh bil-grupp ta' voluntiera li għamlu ġurnata jippreparaw l-ikel għan-nies li se jattendu, li l-maġġoranza tagħhom huma refuġjati. "Waqt ir-Ramadan u lejn l-aħħar, kull Musulman għandu jagħti karità billi jgħin lill-fqar. Fil-fatt hawnhekk hawn grupp ta' voluntiera li qed isajru l-ikel. Hawn min ta donazzjoni ta' flus jew ikel, biex imbagħad jiġu ħutna, li l-maġġoranza tagħhom huma refuġjati, biex jieklu."

Imma x'jiġri eżatt qabel u malli tinżel ix-xemx? Bħalma għedna, qabel grupp ta' Musulmani fil-Moskea ta' Malta jsajru ikla kbira b'xejn kuljum. Din issir għal kull min irid imur jiekol magħhom. Fosthom ħafna refjuġati. Kulħadd jista' jmur jiekol. Anke min mhux fqir. Anke min mhux Musulman. Anke min mhux qed jagħmel ir-ramadan. 


Malli tinżel ix-xemx, jibda l-kant. Dan ifisser li wara 15-il siegħa sawm, issa jistgħu jibdew jieklu ikla ħafifa, bħal tamal, u wara jinġabru għat-talb fil-Moskea. Wara t-talb, imorru jieklu l-kumplament tal-ikel imbagħad jerġgħu jitolbu, din id-darba talba itwal. 

Din is-sena r-Ramadan jispiċċa fl-14 ta' Ġunju.

Inti qed tagħmel ir-Ramadan? Għidilna kif qed tgħixu billi tikkummenta hawn taħt.

Filmati: Matthew Vassallo
Muntaġġ: Mark Laurence Zammit

No comments:

Post a Comment