
Leah hija t-tifla tal-Pulizija Simon Schembri li x-xahar li għadda allegatament ittajjar minn karozza misjuqa minn żagħżugħ ta' 17-il sena.
Is-Sibt li għadda, Simon Schembri ħareġ mill-isptar wara 25 jum rikoverat Mater Dei fejn huwa u ħiereġ ġie milqugħ minn sħabu quddiem id-Dipartiment tal-Emerġenza.
Dan ifisser li erbat ijiem oħra Simon se jkun jista' jqatta' jum il-missier flimkien ma' wliedu. Jum li se jkun qed ifisser ħafna iktar minn qatt qabel għat-tfal tiegħu, wara li x-xahar li għadda missierhom għamel kważi ħmistax-il jum jissielet għal ħajtu.

Aħna tkellimna ma' Leah, it-tifla ta' Simon Schembri li tgħidilna kif nhar il-Ħadd se tkun ġurnata speċjali ħafna iktar minn qatt qabel.
"Jum il-missier se jkun ifisser ħafna għalija ġurnata speċjali ħafna iktar minn qatt qabel. Bħal kull missier li jkollu l-ulied, missieri jfisser ħafna għalija u issa iktar minn qatt qabel għax naf li stajt nitilfu għalkollox.
Inħossni kburija li missieri rnexxielu jgħaddi minn din l-esperjenza kerha immens. Però ġagħlitu jkun iktar b'saħħtu. Wara din l-esperjenza, kulħadd għandu japprezza l-valuri tal-ħajja u kemm huma importanti għax f'sekonda jista' jkun ma terġax tara lill-familjari tiegħek iktar."
Għaxart ijiem ilu, Leah kitbet messaġġ indirizzat lil missierha u qalet hekk: "Inti tajtni l-ħajja, kabbartni, libbistni, iġġillidt għalija, żammejtni, għajjat miegħi, imma fuq kollox ħabbejtni bla ebda kundizzjoni. M'hemmx kliem biżżejjed biex niddeskrivi kemm inti importanti għalina u kemm qed tħalli impatti qawwi fuq ħafna għalih."
Kienet qalet li issa jmiss lilhom li jkunu hemm għalih. "Issa jmiss aħna li nkunu hemm għalik. Diġà qiegħed nofs triq. Ibqa' ġġieled. Aħna lkoll qegħdin hemm għalik. Grazzi talli qed tagħmel li tista' biex tgħix għal sħabek imma iżjed importanti għal familtek. Inti eroj, gwerrier u rebbieħ."

Ħames snin ilu, Simon Schembri kien ġie f'Xarabank jirrakkonta kif bis-saħħa tiegħu u ta' sħabu mara li kienet waslet biex twelled lit-tarbija tagħha, waslet l-isptar wara li l-karozza misjuqa minn żewġha nqabdet fit-traffiku.
Nawguraw lil Simon u lill-missirijiet kollha!
Filmat ta' Simon Schembri ħiereġ mill-isptar: ONE News
No comments:
Post a Comment