best deal

Thursday, 21 June 2018

"Inti ħa toħodli l-unika ħaġa li tagħmilni Malti? " - FKNK

Illum il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddikjarat li l-insib tal-għasafar tal-għana fil-ħarifa f'Malta huwa illegali.

Spjegat kif dan l-insib fil-ħarifa jmur kontra d-Direttivi tal-Unjoni Ewropea. Iddikjarat li Malta ma kkonformatx mal-kundizzjoni tad-Direttiva li f'kaz ta' deroga dan għandu jirrigwarda 'numru żgħir' ta' għasafar biss. Din id-deroga ppermettiet l-insib ta' 7 speċi ta' għasfar tal-għana b'kundizzjonijiet marbuta mat-tipi ta' mansab. 
Il-Qorti temmet tgħid li ma sabitx biżżejjed provi li saret superviżjoni stretta tal-kundizzjonijiet li ppermettew id-deroga fl-ambitu tad-Direttiva.
Dwar din id-deċiżjoni, fi stqarrija il-Gvern qal li għamel dak li kollu possibbli biex jiddefendi l-każ bl-aħjar mod possibbli u biex iħalli l-insib għaddej, tant li fetaħ l-istaġun tal-insib fl-4 snin li għaddew mill-2014. Il-Gvern spjega kif se jevalwa din id-deċiżjoni bir-reqqa biex id-deċiżjonijiet li se jieħu jkunu studjati.
Aħna tkellimna mal-President tal-FKNK Joseph Perici Calascione, li jgħidilna kif l-FKNK ma taqbilx ma' din id-deċiżjoni. "Ma naqblux assolutament xejn mal-kawża, iktar u iktar mal-proċedura li ttieħdet mill-imħallfin biex waslu għad-deċiżjoni tagħhom. Meta inti għandek żewġ partijiet li huma opposti ħafna ta' xulxin, ma tistax tuża rapporti ta' wieħed biss minn dawk il-partijiet, u tuża lilu bħala l-bażi tad-deċiżjoni tiegħek, kif għamlu f'iktar minn każ wieħed l-imħallfin."
Spjega kif l-impenn li għamlet Malta ma sewa għalxejn. "Jidher illi l-isforz kbir li għamlet Malta biex applikat deroga kif sippost, u skont il-parametri kollha li tirrekjedi l-istess direttiva ma sewa għalxejn. L-ebda pajjiż ieħor ma jidħol daqshekk fid-dettall daqsna, b'dak l-impenn li sar fuq l-isfurzar, u biex nikkontrollaw id-deroga bl-iktar mod strett u b'sistemi moderni ta' rapportaġġ. Iktar kien hemm pulizija jiġru wara l-kaċċaturi fi żmien l-istaġun milli kien hemm f'każ ta' droga, milli nista' nifhem jien. Mhux qed ngħid kontra l-Pulizija għax dan huwa xogħolhom u qed jagħmluh tajjeb ħafna."
Jistqarr kif inhu ddispjaċut ħafna. "Meta inti tqis l-isforz kbir li għamilna aħna biex kważi nxejnu l-illegalitajiet li setgħu kienu jsiru fil-passat,  inħossni ddispjaċut li mbagħad inti ħa toħodli l-unika ħaġa li għandi bħala Malti? Ma tirrispettax dik it-tieqa li tagħtik id-direttiva biex tapplika eċċezzjoni, deroga? Jiena rrabjat, iktar milli mweġġa', għax ma ħassejtx li kienet ġusta."
Inti x'taħseb dwar din id-deċiżjoni? Kellha ssir illegali? Ikkummenta hawn taħt.

No comments:

Post a Comment