Tuesday, 5 June 2018
"Jekk hemm xi ħadd li huwa iktar batut minni, nitlob lill-Bambin biex ifejjaq lilu"
Lyden Lee għamel 11-il operazzjoni. Għalkemm għaddej minn tbatija kbira, Lyden jinsa t-tbatija tiegħu u jmur id-Dar tal-Providenza biex jgħin lil nies b'diżabiltà.
Lyden Lee li għandu 11-il sena għadda minn problema f'qalbu, għamel 6 operazzjonijiet f'siequ u ġie anke operat f'ħalqu. Lyden ma jużax is-servizzi tad-Dar tal-Providenza, però malli sema' b'din id-Dar, ried ikun t'għajnuna għal ħaddieħor.
Aħna tkellimna ma' Josianne, li tgħidilna kif binha sar jaf bid-Dar tal-Providenza. "Jiena għamilt 14-il sena naħdem id-Dar tal-Providenza. Id-dar ġieli tkellimna fuqha, u meta beda jisma' lili nitkellem fuq id-Dar tal-Providenza, qisu beda jieħu interess, però qatt ma qal xejn."
Jitla' Lourdes, jiltaqa' ma' tad-Dar tal-Providenza u jinżel minn hemmhekk b'ħeġġa kbir biex jgħin lil nies b'diżabiltà. "Is-sena l-oħra morna Lourdes, fejn iltqajna mal-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona u Fr Martin, u ltqajna wkoll man-nies tad-Dar tal-Providenza. Qabad ma' Karmelina u pprova jgħin kif jista' hemmhekk. Però kif ġejna minn hemmhekk qalli, 'Mamà jien nixtieq nibda mmur id-Dar Providenza."
Jibda jmur id-Dar tal-Providenza u Lyden Lee tibda tinbet mħabba speċjali lejn nies morda u lejn dawk b'diżabiltà. "It-tifel ma jarax id-diżabiltà ta' persuna, imma l-abbiltà. Għalkemm huwa jgħaddi minn tbatija ta' kull qabel operazzjoni, u wara kull waħda, jibqa' jiġġieled, minkejja għadu żgħir. Jgħidli, 'Mamà jiena lill-Bambin nitolbu biex jagħtini l-għajnuna, ħalli nkun nista' ngħin lil ħaddieħor.'"
F'Lulju li ġej, ġewwa l-Ingilterra Lyden Lee aktarx se jagħmlulu 2 operazzjonijiet f'daqqa f'ħalqu. Minkejja li għandu xewqa kbira li jitkellem, ipoġġi lil ħaddieħor qablu. "Darba minnhom it-tifel qalli, 'Jiena nixtieq li niġi nitkellem ħalli ħaddieħor jifhimni. Però jekk hemm xi ħadd li huwa iktar batut minni, nitlob lill-Bambin biex ifejjaq lilu."
Josianne tagħlaq billi tgħaddi messaġġ lin-nies biex nhar il-Ġimgħa, in-nies jiftakru fid-Dar tal-Providenza. "Bil-ftit li għandkom tistgħu tgħinu lil ħaddieħor. Għinuhom għax dejjem hemm il-bżonn. Naf kemm Fr Martin huwa ddedikat u kemm għandu mħabba lejn in-nies u l-ħaddiem tad-Dar tal-Providenza."
Għalhekk tinsiex, nhar il-Ġimgħa f'Xarabank ftakar fid-Dar tal-Providenza.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment